Lokali

Il-kontribut tal-voluntiera jwassal biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Voluntieri li jaħbat illum il-5 ta’ Diċembru, il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-mijiet ta’ volontieri u lill-għaqdiet volontarji madwar Malta u Għawdex tax-xogħol siewi li jwettqu fil-komunità.

Il-PN jemmen li l-kontribut ta’ kull wieħed u waħda mill-voluntieri f’pajjiżna huwa prezzjuż u jwassal biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-ftit kontribut minn ħafna voluntieri jwassal biex ngħixu f’dinja ferm aħjar milli għandna llum.

It-tema magħżula din is-sena min-Nazzjonijiet Uniti għal dan il-jum hi: “Every Contribution Matters”. Għaldaqstant ngħidu grazzi kbira u minn qalbna lill-voluntieri kollha f’pajjiżna tal-kontribut u l-ħidma bla qies tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jkompli jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-għaqdiet volontarji u lill-voluntieri u se jsostni l-politika tiegħu li permezz tagħha l-għaqdiet volontarji jkomplu jsaħħu s-sehem tagħhom fis-soċjetà billi naraw li jingħataw aktar awtonomija, aktar appoġġ u aktar fondi, waqt li titnaqqsilhom il-burokrazija.

Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jemmen li rridu nsaħħu l-volontarjat billi naraw li l-Kummissarju tal-Volontarjat u l-uffiċċju tiegħu jiġu elevati u dan billi jkunu jirrispondu lill-Parlament Malti bħall-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju għall-Istandards, filwaqt li naturalment l-għażla tal-istess Kummissarju għandha ssir biż-żewġ terzi tal-Parlament Malti. Dan iwassal biex il-madwar 2,000 għaqda volontarja f’pajjiżna u l-mijiet ta’ volontieri jingħataw ir-rispett u l-awtonomija vera li tixirqilhom.

Il-PN iħoss li mill-kliem għandna ngħaddu għall-fatti u f’dan il-Jum iddedikat lill-volontarjat għandna lkoll naqblu flimkien fuq it-triq ‘il quddiem li twassal għal liġi ġdida li ssaħħaħ bis-serjetà lill-qasam tant importanti tal-volontarjat f’pajjiżna.