Lokali

Il-PN japprova erba’ kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali li jmiss

Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret ilbieraħ filgħaxija, kompla l-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-PN bl-approvazzjoni ta’ erba’ kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-kandidati approvati huma:

  • Annabelle Cilia fuq is-Sitt Distrett Elettorali
  • Paul Mazzola fuq is-Seba’ Distrett Elettorali
  • Anton Mifsud fuq is-Seba’ Distrett Elettorali
  • Alex Perici Calascione fuq id-Disa’ Distrett Elettorali

Annabelle Cilia hija omm żagħżugħa li se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba. Hija tokkupa l-kariga ta’ President tal-Moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista.

Paul Mazzola diġà kkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017 mal-PN. Preżentement huwa kunsillier f’isem il-PN fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Anton Mifsud ukoll ikkontesta diġà elezzjoni ġenerali mal-PN, dik tal-2022, u huwa Eks Sindku tal-Imtarfa u kunsillier attwali tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Kien ukoll President tar-Reġjun Tramuntana.

Alex Perici Calascione huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil dawn il-kandidati approvati kif ukoll lil oħrajn li diġà wrew interess li jkunu parti mit-tim tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali u li se jkunu approvati fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

L-approvazzjoni tal-kandidati tal-bieraħ tkompli mal-proċess li beda fix-xhur li għaddew biex il-PN japprova l-kandidati kollha li se jkunu qed jikkontestaw f’ismu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

B’kollox, bl-erba’ kandidati ġodda li ġew approvati lbieraħ, sa issa ġew approvati total ta’ 25 kandidat. It-tim ta’ kandidati jinkludi wċuħ ġodda, oħrajn li diġà kkontestaw mal-PN f’elezzjonijiet preċedenti, nisa u żgħażagħ kif ukoll numru ta’ kandidati Għawdxin.