Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat il-ħelsien mill-arrest ta’ raġel ta’ 56 sena, residenti San Pawl il-Baħar li ġie mixli bi ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, wara li allegatament bagħtilha email bi screenshot tal-indirizz il-ġdid tagħha u ritratt tagħha ma’ raġel ieħor, minkejja li kien ilu sena soġġett għal ordni ta’ trażżin u sentenza sospiża għal każijiet preċedenti fuq l-istess persuna. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-mara marret fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fit-2 ta’ Diċembru u rrappurtat li l-eks sieħeb tagħha kien ikkuntattjaha bi screenshot li juri l-indirizz tagħha kif jidher fir-reġistru elettorali — informazzjoni li dan ma kellu qatt ikollu — kif ukoll ritratt ippubblikat fuq Facebook.
L-Ispettur Omar Zammit xehed li l-pulizija ċemplet lill-akkużat, li mar minn jeddu d-depot, fejn ġie nfurmat bl-arrest u nnotifikat bil-mandat. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-kuntatt kien jikkostitwixxi ksur tal-ordni ta’ protezzjoni maħruġa minn Maġistrat Lara Lanfranco f’Awwissu tal-2024, u li l-akkużat kien diġà taħt probation u taħt sentenza sospiża għal reati relatati mal-istess vittma. Intalbet ukoll ordni ta’ protezzjoni ġdida għall-allegata vittma.
Id-difiża, iżda, argumentat li r-raġel seta’ tressaq b’ċitazzjoni minflok arrest, u li f’każijiet simili jeżistu “two weights and two measures” fejn mhux dejjem tintuża l-istess proċedura. Sostniet li f’sena sħiħa minn meta nħarġet l-ordni ta’ protezzjoni ma kien hemm l-ebda rapport ta’ fastidju jew ksur, u li l-allegazzjoni attwali hija limitata għal email b’dokument li, minkejja n-natura tiegħu, kien diġà f’idejn il-pulizija u dokumentat.
L-Avukat tad-difiża Nicholas Mifsud – rrimarka li l-klijent tiegħu għandu impjieg full-time, qatt ma kien imwissi qabel, u kkopera immedjatament mal-investigazzjoni. Insista li dan ma kienx każ li jiġġustifika detenzjoni immedjata u li s-sistema mhux qed tapplika l-istess miżuri għal kulħadd.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia – wara li semgħet iż-żewġ naħat, qablet mal-argument tad-difiża dwar il-proporzjonalità tal-arrest u ordnat il-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjonijiet li l-akkużat jiffirma kull nhar ta’ Sibt bejn it-8am u t-8pm, ma joħroġx bejn nofsillejl u l-5am, u jidħol jagħmel depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €3,000. Għall-akkużat deher l-Avukat Nicholas Mifsud filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.
//= $special ?>

