Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni wara li daħal għand l-eks tiegħu

Raġel ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid wieġeb mhux ħati għall-akkuża li kiser ordni ta’ protezzjoni li kienet inħarġet inqas minn xahar ilu, meta allegatament daħal f’dar l-eks sieħba tiegħu minkejja l-projbizzjoni li jersaq lejha. L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia mixli li kiser ordni li kienet ingħatat fil-13 ta’ Novembru 2025 mill-Maġistrat Ann Marie Thake.

Ftit jiem qabel, fit-11 ta’ Novembru, il-Qorti kienet iddeċidiet li tiċħad l-akkużi reċiproċi ta’ feriti ħfief fuq xulxin bejn il-koppja wara argument li fih l-irġiel kien ta daqqa ta’ ponn, u hi daqqa ta’ skwiżer. Dakinhar, il-Qorti kienet qaltilhom li “mhumiex tajbin għal xulxin”.

L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li nhar l-Erbgħa li għaddew, il-mara għamlet rapport lill-pulizija wara li semgħet xi ħadd iħabbat fuq il-bieb u sabet lill-akkużat barra r-residenza tagħha. Minkejja li talbitu jitlaq, hu wieġeb li ried imur jixtrilha xi ħaġa.

Meta reġgħet insistiet biex jitlaq, hu qabad u daħal xorta waħda fil-post u ħa ċ-ċwievet tad-dar tagħha. Meta waslu l-pulizija, hu kien diġà telaq, iżda ġie arrestat ftit wara f’daru. Il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat kien diġà tressaqquddiem il-Qorti inqas minn xahar ilu u kellu jifhem b’mod ċar li ma setax jersaq lejn l-ex sieħba tiegħu.

L-Ispettur Buhagiar qalet li minkejja li din id-darba ma seħħet l-ebda vjolenza, il-fatt li resaq qribha u daħal fid-dar tagħha juri li l-kundizzjonijiet ma ġewx osservati. Hija enfasizzat li l-mara għadha trid tixhed u li kien hemm biża’ li l-akkużat jerġa’ jikkommetti reat, u saħqet li “jeħtieġ għajnuna u jrid jifhem li ma jistax jagħmel dawn l-affarijiet”.

Il-Qorti, wara li semgħet il-prosekuzzjoni, irrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat Axl Camilleri deher għall-akkużat bħala difensur tal-għajnuna legali.