Lokali Qorti

Miċħud appell tal-AĠ fuq raġel li ħareġ illiberat fuq sewqan bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li fl-2025 kienet illiberat lil Indjan Wajid Shaik Abdul mill-akkużi li kien qiegħed isuq karozza mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni.

Il-każ kien ilu pendenti mill-21 ta’ Ottubru 2024 meta għall-ħabta ta’ nofsillejl u għoxrin minuta, ħdejn Triq Mdina f’Ħal Qormi, il-pulizija kienu waqqfu vettura li allegatament kienet misjuqa mill-imputat. L-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza tal-ewwel Qorti u sostna li l-Maġistrat kien ivvaluta ħażin il-provi, partikolarment l-identifikazzjoni tas-sewwieq.

L-appell kien ibbażat fuq l-affermazzjoni li l-affidavit tas-surġent li waqqaf il-vettura, kellu jittieħed bħala prova valida u suffiċjenti biex jorbot lill-imputat bħala s-sewwieq. L-Avukat Ġenerali sostna li l-Qorti kellha tqis il-provi kollha flimkien, inkluż l-affidavit ta’ uffiċjal tat-Trasport Malta li kkonferma li l-imputat qatt ma kellu liċenzja tas-sewqan, u l-fatt li l-imputat ma talabx li jikkontra-eżamina lix-xhud. Intqal li, bil-liġi, l-abbiltà li jaqbeż din l-opportunità kienet indikazzjoni li l-imputat effettivament kien is-sewwieq.

Iżda l-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ dan l-argument. Fil-ġudizzju tagħha qalet li minkejja li l-affidavit ta’ uffiċjal tal-Pulizija jista’ jittieħed bħala prova, il-valur tiegħu jiddependi fuq id-dettall u l-ispjegazzjoni li jkun fih. F’dan il-każ ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ċara dwar kif eżatt il-pulizija kkonfermaw l-identità tas-sewwieq.

L-affidavit kien jgħid biss li l-identità ġiet ivverifikata permezz tal-“police control room”, iżda ma spjegax kif inġabru l-informazzjoni jew jekk l-imputat kienx ippreżenta xi dokument ta’ identifikazzjoni. Il-Qorti osservat li l-identifikazzjoni korretta tal-allegat awtur tar-reat hija element essenzjali tal-prova u li n-nuqqas ta’ din l-informazzjoni ma setax jitqies bħala dettall żgħir jew irrilevanti.

L-Imħallef Scerri Herrera enfasizzat li l-Prosekuzzjoni għandha l-oneru li tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli u li tħalli dubju dwar min kien is-sewwieq ifisser li l-imputat għandu jiġi assigurat l-benefiċċju tad-dubju.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li minkejja li l-uffiċjal tat-Trasport Malta kkonferma li Abdul ma kellux liċenzja, din il-prova ma tistax tgħaddi mingħajr l-ewwel ma jkun hemm prova soda li kien hu li kien qed isuq. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni affidabbli wassal biex il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-ewwel Qorti kienet aġixxiet b’mod korrett meta sabet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontra l-imputat.

B’hekk il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza li tgħid li l-imputat ma setax jiġi marbut mal-vettura u mal-allegazzjonijiet. Id-deċiżjoni tfakkar fil-prinċipju fundamentali li fil-proċess kriminali l-prosekuzzjoni trid tipprova kull element tar-reat b’ċertezza, u li meta l-identifikazzjoni tiġi ppreżentata b’mod imnaqqas jew mhux ċar, il-Qorti ma tistax issib lil ħadd ħati.