Lokali Qorti

Multa u probation wara li daħal fi skola “biex jiġbor il-fliexken” u kellu xi jgħid mal-Pulizija

Membri mit-Taqsima tar-Rapid Intervention, il-Ħamis li għadda – ġew mibgħuta lejn l-iskola San Ġorġ Preca fil-Ħamrun wara rapport li persuna kienet daħlet fil-bini mingħajr permess. Meta waslu fuq il-post, il-pulizija sabu lil Ihor Cardaci, Ukren – flimkien mal-watchman tal-iskola. Huwa ngħata multa u probation mill-Qorti.

It-tnejn dehru kalmi u mingħajr tensjoni. Madankollu, hekk kif il-pulizija bdew jistaqsu lill-akkużat dwar għalfejn daħal fl-iskola, seħħet ġlieda żgħira bejn il-pulizija u Cardaci li wasslet għall-arrest tiegħu. Wara l-arrest, hu ttieħed l-isptar biex jingħata l-kura meħtieġa għall-ġrieħi li sofra matul l-intervent.

Fil-Qorti, l-Ispettur Ian Vella spjega li Cardaci kien qal lill-pulizija li daħal fl-iskola biex jiġbor il-fliexken tal-plastik u dan biex isarrafhom fl-iskema tal-Beverage Container Refund Scheme (BCRS), fejn il-konsumaturi jirċievu depożitu ta’ 10 ċenteżmi għal kull kontenitur vojt.

Cardaci qal li kien qed jagħmel dan “biex isostni lilu nniffsu”, billi l-flus li jaqla’ mill-BCRS jużahom biex jgħinuh fl-għajxien tiegħu. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li semgħet ix-xhieda u ċ-ċirkostanzi tal-każ, illiberat lil Cardaci bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena u mmultatu €1,200 li għandu jħallas fuq perjodu ta’ tliet snin. L-avukat Axl Camilleri deher għall-akkużat waqt il-proċeduri.