Opinjoni

Opinjoni: L-anzjani fiċ-ċentru tal-politika tal-PN

Joe M. Zahra, President APAN

Il-wiegħda li għamel il-Kap tal-PN Alex Borg li Gvern Nazzjonalista jagħti servizz ta’ tabib b’xejn għall-anzjani u l-pensjonanti għal każijiet akuti, biex ikollhom kontinwità ta’ trattament mit-tabib tal-familja li jaf l-istorja medika tagħhom, hija waħda li turi kemm l-anzjani huma fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.
Hija ħaġa ta’ min jirrakomandaha li l-anzjani jibqgħu għixu fl-ambjent fejn trabbew u għexu. Xi ħaġa tajba għall-istess anzjani u finanzjarjament anki għall-Gvern għax tiswielu inqas li jgħin lill-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom milli f’Dar tal-Anzjani. Għalhekk għandhom jinħolqu s-servizzi meħtieġa biex l-anzjani jibqgħu jkunu megħjuna jgħixu fi djarhom, fil-post fejn joqogħdu.
Kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li introduċew xita ta’ servizzi għall-anzjani bħat-telecare, meals on wheels, home help, xogħol ta’ manutenzjoni u oħrajn. Biss nafu li dawk qatt mhuma biżżejjed u għandhom ikomplu jiżdiedu.
F’pajjiżna hawn madwar 20,000 anzjan li jgħixu weħidhom. Jekk il-Gvern irid li dawn l-anzjani ma jitolbux li jmorru jgħixu f’Dar tal-Anzjani u jkomplu jkabbru l-problema ta’ nuqqas ta’ sodod f’dawn id-Djar, tant li hemm iktar minn 1,500 jistennew, allura l-Gvern irid jgħin lil dawn l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom. Irid jgħinhom isibu ‘carers’ fejn dawn ikunu meħtieġa. Irid jipprovdi ‘night shelters’ għal dawk li jibżgħu joqogħdu f’darhom weħidhom billejl.
Dawn l-anzjani jridu jiġu megħjuna wkoll biex ma jgħixux fis-solitudni għax nafu li din tkidd ħafna speċjalment lil min jgħix waħdu u m’għandux min imur iżuru. Kien għalhekk li l-Kap tal-PN Alex Borg fix-Shadow Cabinet tiegħu daħħal is-solitudni fix-‘shadow ministry’ ta’ Ivan Bartolo li issa jinkludi l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, il-ġlieda kontra l-faqar u s-solitudni.
Il-fatt li llum qed ngħixu iktar ipoġġi fuq kull Gvern ir-responsabbiltà li min jgħix iktar, jgħix f’dinjità u f’livell tal-għajxien li jixraqlu. Huwa għalhekk li l-APAN lestiet u għaddiet lill-PN lista ta’ proposti li trid tara li Gvern Nazzjonalista ġdid iwettaq. Proposti biex aħna l-anzjani ngħixu aħjar wara s-snin twal li tajna għas-servizz tan-nazzjon tagħna.

L-APAN bi rwol fundamental

minn Aldo Scicluna
Mario de Marco tenna li l-fatt li l-popolazzjoni ta’ Malta qed issir iktar anzjana, l-APAN għandha rwol fundamentali fil-PN li twassal il-messaġġ tal-anzjani fl-organi tal-PN. Mario de Marco kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li għamillu l-President tal-APAN Joe Zahra waqt laqgħa organizzata mill-APAN, li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Mistoqsi jekk il-fatt li kien it-tifel tal-Professur Guido de Marco kellux effett fuq il-karriera politika tiegħu, Mario de Marco qal li minkejja li missieru ilu mejjet 15-il sena għadu jiltaqa’ man-nies li jgħidulu kemm missieru kien politiku kbir. Allura b’dan il-legat seta’ jkompli fuq il-passi ta’ missieru. Fakkar ukoll li l-kunjom de Marco issa ilu fil-Parlament mill-1966. Rappreżentanza li beda missieru u kompla hu. Mario de Marco qal li hu kiber fiż-żmien vjolenti tas-snin sebgħin u tmenin. Għex bħal kulħadd il-qtil vjolenti ta’ Raymond Caruana u dak li seħħ f’Tal-Barrani.

Segretarju Parlamentari u Ministru
Qal li kien ikkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali fl-2003, wara r-‘referendum’ għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Tkellem dwar il-ħames snin li għamel bħala Segretarju Parlamentari u Ministru, li rrefera għalihom bħala l-isbaħ żmien tal-ħajja politika tiegħu.
Fil-bidu, bħala Segretarju Parlamentari taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Meta mbagħad inħatar Ministru kien responsabbli mit-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura. Qabel ma sar Ministru kien hemm id-drawwa li hu u Lawrence Gonzi jagħmlu laqgħat ta’ ħidma kull nhar ta’ Tlieta. Meta nħatar ministru, talab lil Lawrence Gonzi biex jibqa’ jżomm dawn il-laqgħat.
Mario de Marco qal li meta l-PN mar fl-oppożizzjoni ddeċieda li jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-partit. Meta ma telax ma baqax jikkontesta u hekk tela’ Simon Busuttil li talbu jitfa’ n-nomina għal Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Meta kien elett Kap tal-PN Bernard Grech, għamel xi żmien ma jokkupa l-ebda kariga. Aktar ’il quddiem fil-leġiżlatura, Bernard Grech talbu biex jokkupa l-kariga ta’ Shadow Minister għat-Turiżmu. Hu fakkar ukoll li meta kien Shadow Minister għall-Finanzi kien il-promotur li mbotta l-idea li l-PN, qabel kull baġit, jippubblika l-‘pre-budget document’.

Turiżmu ta’ kwalità
Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar it-turiżmu ta’ kwalità, Mario de Marco qal li Malta pajjiż fl-Ewropa bl-ikbar densità tal-popolazzjoni għal kull kilometru kwadru. Dan qed ikollu piż kbir fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Piż li jikber jekk nibqgħu nżidu n-numru ta’ turisti tal-massa li jżuru pajjiżna.
Problema oħra li qed jiffaċċja s-settur turistiku hija li ħafna Maltin ma jridux jaħdmu f’dan is-settur, u hekk qed ikollna nimpurtaw ħaddiema barranin speċjalment minn barra l-Unjoni Ewropea. Is-soluzzjoni ideali hija li ma nħarsux lejn l-ammont ta’ turisti iżda li mmorru għal turisti ta’ kwalità, li jonfqu iktar flus u għalhekk aktar valur miżjud.
Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar ir-rapport tal-arbitragg fil-każ tal-isptarijiet, Mario de Marco qal li fir-rapport hemm imniżżel li l-vittma ta’ dan kollu li seħħ huwa l-poplu Malti. Mistoqsi mill-udjenza x’tip ta messaġġ għandu jwassal il-partit, Mario de Marco wieġeb li fis-snin tmenin il-PN kien stabbilixxa mal-poplu djalogu soċjali. Dan kien tajjeb u ħadem. Dan kien wera wkoll li l-PN għandu ruħ soċjali qawwija. Għaż-żminijiet tal-lum, il-PN għandu jaħdem fuq ħames messaġġi qosra, iżda li jkunu effettivi.

Żjara lill-Mużew tal-Ferroviji: Fis-sensiela ta’ żjarat kulturali li l-APAN torganizza kull xahar, nhar il-Ħamis 27 ta’ Novembru numru sabiħ ta’ anzjani żaru l-Mużew tal-Ferrovija f’Birkirkara. Paul Galea spjega lil dawk preżenti dwar il-bini tal-ferrovija f’Malta, minfejn kienet tgħaddi, l-istazzjonijiet u dawk li kienu jużawha. Wara dawk kollha preżenti tqassmu fi gruppi u ttieħdu jaraw il-wirjiet li hemm f’dan il-Mużew li kulma jmur qed jikber permezz ta’ donazzjonijiet relatati ma’ żmien il-ferrovija f’pajjiżna.

F’laqgħa ta’ informazzjoni li nżammet fil-Każin tal-PN ta’ San Ġwann, Paula Mifsud Bonnic, Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva; u Graham Bencini, Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u Fondi Ewropej; tkellmu dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw ma’ wiċċhom l-anzjani f’diversi oqsma u anki dwar il-pensjonijiet. Il-laqgħa tmexxiet mill-President tal-APAN Joe Zahra. Wara l-interventi ta’ Paula Mifsud Bonnici u Graham Bencini dawk preżenti għamlu sensiela ta’ mistoqsijiet li wieġbu ż-żewġ Shadow Ministers.