Lokali

Opinjoni: Sena ta’ żbilanċi fil-finanzi tal-Gvern

Gvern li jonfoq dak li ma jaqlax... u jberbaq flus il-poplu

Joe M. Zahra

Għadhom kif ġew pubblikati ċifri uffiċjali dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena. Dawn juru li fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena: Il-Gvern daħħal €258 miljun iktar (+4.2%), iżda nefaq €729 miljun iżjed (+12.1%). Dan ħallieh bi żbilanċ ta’ €374 miljun. Dan l-iżbilanċ fil-kaxxa ta’ Malta kien €471 miljun ogħla minn dak tal-ewwel 10 xhur tal-2024 meta kien hemm bilanċ ta’ €97 miljun. Id-dejn tal-Gvern f’Ottubru laħaq €11,185 miljun, jew €924 miljun iktar minn Ottubru tas-sena l-oħra. L-imgħaxijiet fuq id-dejn żdiedu bi €28 miljun, minn €215 miljun fl-ewwel 10 xhur tal-2024 għal €243 miljun fl-istess perijodu dis-sena.

Tisma’ lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana jitkellem, taħseb li l-finanzi tal-Gvern huma fuq ir-rubini, iżda mhux hekk taħseb il-Kummissjoni Ewropea.
Fir-rapport tagħha tal-25 ta’ Novembru fejn tat il-valutazzjoni tal-ħarifa, il-Kummissjoni tenniet li l-baġit għall-2026 jirriskja li ma jkunx konformi mar-rakomandazzjonijiet għal Malta biex toħroġ mill-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.
Il-Kummissjoni Ewropea valutat il-konklużjonijiet tagħha fuq il-fatt li ż-żieda kumulattiva fin-nefqa hija lil hinn min dak li kien miftiehem. Il-Kummissarju għall-Ekonomija u Produttività Ewropea Valdis Dombrovskis qal li l-pjan baġitarju ta’ Malta kien f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità materjali.

L-infiq tal-Gvern
Għal xahar wara ieħor, l-infiq tal-Gvern minflok naqas żdied minkejja ż-żieda qawwija fid-dejn tal-Gvern Ċentrali. L-affarijiet ma jidhrux li sejrin għall-aħjar!
F’Ottubru, l-iżbilanċ tal-Gvern kien €374 miljun. Meta nqisu li fl-istess xahar tas-sena l-oħra kien hemm bilanċ ta’ €97 miljun, ifisser li morna minn taħt €471 miljun. Mhux xi ċifra insinifikanti!
Fl-ewwel 10 xhur tas-sena, il-Gvern daħħal 4.2 fil-mija iktar iżda nefaq 12.1 fil-mija iżjed. Kważi tliet darbiet iktar mid-dħul. Il-Gvern nefaq iktar f’kollox, b’żewġ ‘items’ tan-nefqa li jidher li se jibqgħu jirrikorru, anzi jżidu.
In-nefqa fuq pagi u salarji telgħet għal €1,174 miljun jew €149 miljun iktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan huwa biss għall-ewwel 10 xhur tas-sena. Sal-aħħar tas-sena, in-nefqa mistennija tkun qrib l-€1,500 miljun. Fl-2013, in-nefqa fuq pagi u salarji kienet €654 miljun. Ifisser li kemm ilu l-Gvern Laburista, din in-nefqa iktar minn irduppjat!
L-istess nistgħu ngħidu għall-interessi fuq id-dejn tal-Gvern. Fl-ewwel 10 xhur tas-sena, il-Gvern ħallas f’interessi €243 miljun jew €28 miljun iktar mill-istess perjodu tas-sena 2024. Anki l-interessi se jkomplu jiżdiedu. Il-Gvern qed jipproġetta li jissellef madwar elf miljun ewro fis-sena. Dawn m’għadux jissellifhom b’0.10 fil-mija, 0.25 fil-mija, b’imgħaxijiet taħt il-wieħed fil-mija. Illum il-Gvern qed jissellef b’iktar minn tlieta fil-mija.
Kien hemm żmien li l-Gvern kien jissellef mingħajr ma jħallas imgħax, iżda il-folja nbidlet. Tiftakru lil Joseph Muscat jiftaħar li tant hawn fiduċja fil-pajjiż u l-Gvern tiegħu li kien jissellef b’xejn. Xi ħaġa li kienu jagħmlu żewġ terzi tal-pajjiżi tad-dinja. Bl-istess argument allura llum tlifna l-fiduċja ta’ kulħadd!

Infiq kapitali
Filwaqt li l-Gvern itajjar il-flus bl-addoċċ mhux jagħmel l-istess fejn jeħtieġ investiment. Investiment fl-infrastruttura, riżultat taż-żieda qawwija fin-numru ta’ ħaddiem barranin li hawn f’pajjiżna, u fit-turiżmu tal-massa.
Il-Gvern mhux jinvesti biżżejjed fl-ambjent. Issa, għax qed jiġi ssikkat minn kulħadd qed jgħid li se jibni tliet parks nazzjonali. Robert Abela qal li kellu l-idea li jibni park madwar Forti Campbell. Iżda anki din mhix xi idea ġdida. Il-Partit Laburista wiegħed park f’dawk l-inħawi fl-aħħar programm elettorali tiegħu tal-2022. U ma sar xejn!
Kif ma sar xejn dwar diversi proġetti oħra. Issa jrid juri li dan huwa xi proġett li ħolom bih issa. Sintendi hemm ħafna li jibilgħu kollox! Il-park nazzjonali fl-inħawi tal-Forti Campbell anki l-PN wiegħdu fil-progranmm elettorali tal-2022!
Għat-tliet parks li issa qed iwiegħed Robert Abela mhemmx flus ivvutati. Kif mhemmx flus għal metro u ħafna proġetti oħrajn li issa jerġa’ jwiegħed għax riesqa l-elezzjoni ġenerali.
Meta nsemmu l-ambjent irridu nifhmu dan mhux biss parks. L-ambjent jiġbor fih l-ibħra madwarna li qed jerġgħu jitniġġsu bid-drenaġġ għax ma sarx ix-xogħol meħtieġ biex jitkabbru l-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ. L-ambjent huwa l-arja madwarna li kulma jmur qed jitniġġeż iżjed għax il-Gvern ma sab l-ebda soluzzjoni għall-problema tat-traffiku.
Il-Gvern mhux talli mhux jinvesti biżżejjed fis-settur tas-saħħa, fejn wiegħed sptarijiet ġodda, dipartiment tal-emerġenza li jlaħħaq mad-domanda, u tant affarijiet oħra. Ħalla żewġ kumpaniji barranin jisirquna ħajjin tant li għamel talba quddiem l-arbitraġġ interazzjonali għal €480 miljun. Li mhux talli ma ħadhomx iżda spiċċa għandu jagħti. Imbagħad bla ebda mistħija Robert Abela jdoqq il-vittorja!
Il-Gvern mhux jinvesti fis-settur tal-edukazzjoni. Taħt Gvern Nazzjonalista kienet tinbena skola ġdida fis-sena attrezzata bl-iktar sistemi moderni. Dan kollu spiċċa.
Fl-ewwel 10 xhur tas-sena, in-nefqa kapitali kienet ta’ €654 mijun, miżerja ta’ €33 miljun iktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra. B’dawn il-miljuni ma’ jitwettqu ebda wieħed mill-proġetti li qed jinbtu ta’ kuljum. Il-Gvern mhux talli mhux iżid in-nefqa kapitali iżda din qed tonqos.

Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv
Wara l-ħela jiġi żmien li jkollu jiġi ssikkat iċ-ċinturin. Dan iż-żmien jidher li qiegħed magħna. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lil Malta biex tieħu l-miżuri kollha neċessarji fi ħdan il-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżgura li l-politika fiskali hija f’linja mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Jekk dan ma jseħħx pajjiżna ma jkunx jista’ joħroġ mill-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.
Tiftakru meta fl-2013 b’manuvra l-Gvern Laburista daħħalna fil-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv biex jagħti l-impressjoni li l-finanzi taħt Gvern Nazzjonalista ma kenux fis-sod! Issa l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv qed tippersegwitah. Il-Malti jgħid: kif tagħmel jagħmlulek. Hekk qed jiġrilu dan il-Gvern, f’kollox!

Dan l-artiklu deher f’InNazzjon tal-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru, 2025.