Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Dr Neville Camilleri, bgħatet lura s-sentenza lill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront tas-Sirjan Faysal Mohamed Hashim Alstif, li fl-2025 kien instab ħati li ma ddikjarax skont il-liġi aktar minn €10,000 fi flus kontanti meta kien ħiereġ mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-ewwel qorti kienet ikkundannatu multa ta’ €64,678 u ordnat il-konfiska tas-somma s-sekwestrata li kellu fuqu ta’ €117,506. Madankollu, l-appell wassal biex instab li s-sentenza kienet difettuża minħabba nuqqas ta’ formalità meħtieġa mil-liġi.
Irriżulta li r-raġel naqas milli jiddikjara flusu qabel ma laħaq ġie ttimbrat il-passaport tiegħu u meta avża lill-uffiċjali tad-Dwana li xtaq jiddikjara qabel ma jitlaq l-ajruplan, huma nfurmawh li issa kien tard wisq. B’kollox fuq ir-raġel, instabu €117,506 u xi dollari u liri Torok.
Hu tenna li ma kienx jaf li jrid jagħmel dan u ma ġiex infurmat f’liema uffiċċju jrid imur biex jiddikjara flusu. Il-każ imur lura għall-30 ta’ Mejju tal-2019 meta Alstif kien twaqqaf għall-kontroll tad-Dwana u nstab li kellu fuqu iktar mill-limitu ta’ €10,000 li għandu jiġi ddikjarat. Il-prosekuzzjoni ppreżentat l-atti kollha, u fl-2025 il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati skont ir-Regolament 3(5)(b) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 233.07, u mmultatu b’ammont konsiderevoli li kien jinkludi 55% tas-somma sekwestrata.
Alstif appella mis-sentenza u sostna li kien hemm provi kunfliġġenti dwar fejn eżattament kien twaqqaf, li ma kellux ħsieb kriminali u li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx l-elementi kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit ir-reat. Iżda qabel ma l-Qorti tal-Appell daħlet fil-mertu ta’ dawn l-aggravji, innutat problema aktar fundamentali: l-ewwel qorti naqset li tispeċifika b’mod korrett u obbligatorju l-artikolu jew regolament taħt liema liġi kienet sabet lill-imputat ħati, kif titlob b’mod ċar l-Artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali.
L-Imħallef Camilleri osserva li s-sentenza tal-ewwel qorti semmiet ir-Regolament 3(5)(b) iżda ma għamlitx l-ebda referenza għal Regolament 3(1), li huwa l-proviżjoni li minnu tirriżulta l-akkuża nnifisha, jiġifieri l-obbligu li wieħed iddikjara s-somma meta jegħleb il-limitu ta’ €10,000.
Dan in-nuqqas, li ġie deskritt bħala formalità sostanzjali, jagħmel is-sentenza nulla u ma tistax tibqa’ fis-seħħ. Il-Qorti tal-Appell enfasizzat li ġurisprudenza kostanti tikkonferma li nuqqas bħal dan iwassal għall-annullament tas-sentenza iżda mhux għall-annullament tal-proċeduri kollha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2025 u ordnat li l-każ jerġa’ jmur quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex tingħata sentenza ġdida li tikkonforma mal-liġi. Alstif issa jitpoġġa mill-ġdid fl-istess pożizzjoni li kien qabel tingħata s-sentenza li tħassret, u l-proċess kontra tiegħu jibqa’ miftuħ sakemm tingħata deċiżjoni oħra korretta formalment.
Din id-deċiżjoni tenfasizza kemm l-obbligi proċedurali huma kruċjali fil-proċess kriminali u kif anke nuqqas żgħir fid-dikjarazzjoni legali jista’ jwassal biex sentenza sħiħa tiġi revokata.
//= $special ?>

