Meta joħroġ stħarriġ li ma jogħġobhomx, tal-Labour jattakkaw llill-messaġġier.
Hekk kif l-Awtorità tax-Xandir, fl-aħħar stħarriġ tagħha, ikkonfermat li NET TV hu l-aktar stazzjon segwit f’pajjiżna, aktar mis-Super One u TVM, il-Labour uża l-istazzjon tiegħu u nfexx jattakka lill-ħaddiema tal-istess awtorità u jiskreditahom.
Issa f’daqqa waħda l-Labour mhux jemmen id-data tal-Awtorità tax-Xandir, li hi kkontrollata minn membri appuntati minn Robert Abela. U qed jgħid li l-istħarriġ tal-Awtorità mhux preċiż.
L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Awtorità tax-Xandir juru li NET TV hu segwit minn 23.9%, filwaqt li dawk li jsegwu s-Super One jammontaw għal 17.6% u 13.9% jsegwu TVM. Fl-istess stħarriġ NET FM ukoll saħħaħ postu bħala t-tieni l-aktar stazzjon segwit f’Malta, qabel l-istazzjonijiet nazzjonali waqt li anke s-sit elettroniku netnews.com.mt ukoll qabeż il-portals tas-Super One u tal-PBS.
Meta tal-Labour isibu ruħhom minn taħt, jaraw fuq min se jiftħu l-kanuni. Din id-darba mess lill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir.
Il-Partit Nazzjonalista jrodd ħajr lill-ħaddiema kollha tal-media tiegħu u jifirħilhom għal dawn ir-riżultati u jirringrazzja lil dawk kollha li jsostnu u jsegwu l-media tal-PN.
//= $special ?>

