Lokali Qorti

Tfajla ta’ 15-il sena tammetti li aggrediet tfajla oħra fil-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli

Tfajla ta’ 15-il sena, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressqet quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia u ammettiet li aggrediet studenta oħra fil-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli. Hija ammettiet li kisrtilha mnieħirha fil-kurutur ta’ fejn hemm il-klassijiet. Ħareġ ukoll fil-Qorti li se jsir rapport ta’ insulti li saru fi ġranet oħra, qabel seħħ l-inċident minn naħa tal-vittma lejn il-ħatja.

L-akkuża tgħid li l-inċident seħħ l-Erbgħa filgħodu, bejn l-10 u l-11am, fl-iskola. Fl-awla numru 25 kien hemm preżenti missier it-tifla tal-akkużata. Mill-Qorti ħareġ li il-vittma kienet għaddejja fil-kuritur bl-akkużata tiġi minn warajha u tagħta żewġ daqqiet ta’ ponn f’wiċċha, u wara tefata mal-art.

Skont l-akkużi, t-tfajla kkaġunat ferita ħafifa fuq tfajla oħra mingħajr l-intenzjoni li toqtol jew tpoġġilha ħajjitha f’periklu serju. Il-feriti ġew iċċertifikati bħala ħfief mit-tabib Russell Sapiano. Il-vittma, tifla ta’ 14-il sena, kellha tittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza minħabba l-aggressjoni li sofriet.

Id-difiża talbet li jsir pre-sentencing report, wara l-ammissjoni, u din it-talba kienet milqugħa. It-tifla ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 3,500 ewro u trid tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kull nhar ta’ Sibt.

Il-proċeduri kontra l-akkużata issa se jkomplu fil-Qorti filwaqt li l-inkjesta u l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin. It-tfajla sofriet minn frattura fuq imnieħirha u spiċċat b’nefħa fil-wiċċ. L-Ispettur Cheyenne Mangion ippreżentat il-każ filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud deher għat-tfajla.