Lokali

Tkompli tiggrava l-kriżi fil-kumpanija Malita Investments – PN

Riżenja oħra minn din il-kumpanija li fiha l-Gvern għandu sehem maġġoritarju hekk kif jitħabbar li twaqqaf ix-xogħol fuq tliet proġetti ta’ housing minħabba nuqqas ta’ fondi

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi li għaddejja minnha Malita Investments plc, kumpanija li hu l-investitur ewlieni fiha l-Gvern Malti. Sfortunatament, din il-kumpanija qiegħda dejjem aktar issir simbolu ta’ falliment finanzjarju u ta’ ndħil politiku.

Fl-aħħar 24 siegħa, Malita Investments ikkonfermat li waqqfet ix-xogħol fuq tliet siti tal-proġett ta’ housing affordabbli, fil-Qrendi, Bormla u Ħal Farruġ, minħabba nuqqas ta’ fondi u falliment fit-tmexxija biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-finanzjament tal-proġetti.

L-istess kumpanija kkonfermat li tinsab f’diskussjonijiet mal-banek biex tissellef il-fondi meħtieġa ħalli x-xogħol fuq dawn il-proġetti jerġa’ jibda.

Dan ifisser li proġetti li kellhom jgħinu familji Maltin u Għawdxin biex ikollhom akkomodazzjoni affordabbli u jsibu dar diċenti issa twaqqfu kompletament, għax il-Gvern falla fit-tmexxija tiegħu ta’ kumpanija li huwa stess jikkontrolla.

Fl-istess ħin, Malita Investments ħabbret ukoll ir-riżenja tas-Segretarju tal-kumpanija. Din hi riżenja oħra f’sensiela ta’ riżenji f’din il-kumpanija. Dan qed iseħħ wara li eks Chairperson tal-kumpanija, li kienet ukoll eks MEP Laburista, allegat b’mod pubbliku li kien hemm indħil dirett tal-Ministru Roderick Galdes fil-ħidma tal-Malita, indħil li jkompli juri kemm il-governanza taħt dan il-Gvern ilha li falliet. L-istess Marlene Mizzi akkużat lil Galdes li jitħabbeb mal-kuntratturi, u wara li ġibditlu l-attenzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet, keċċieha mill-kariga.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni s-sejħa għar-riżenja ta’ Roderick Galdes minn Ministru tal-Akkomodazzjoni Affordabbli wara l-kriżi ta’ ndħil politiku u mismanagement fil-Malita u l-iskandlu l-ieħor relatat mal-penthouse duplex li ħa b’mod affordabbli ħafna f’Għawdex, b’konvenju ffirmat fl-istess żmien li l-kumpanija li akkwista l-proprjetà mingħandha ħadet kuntratt ta’ €27 miljun mingħand l-Awtorità tad-Djar li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu bħala Ministru.