Stewart Said
SIRENS BUILD FITNESS…… 13
SLIEMA FRANK SALT………. 16
(4-6), (4-4), (1-2), (4-4)
Għar-raba’ darba, Sliema Frank Salt huma r-rebbieħa tad-disa’ edizzjoni tal-Enemed Cup. Din id-darba, għelbu fil-finali lil Sirens Build Fitness 16-13 wara li fl-edizzjonijiet preċedenti kienu ħarġu rebbieħa kontra San Ġiljan.
B’dan is-suċċess, Sliema laħqu lill-istess San Ġiljan bħala l-aktar tim li rebaħ il-kompetizzjoni. Ir-rebħa kienet meritata għat-tim ta’ Giannis Katrouzanakis iżda mertu wkoll għal Sirens li baqgħu fil-logħba anki wara li fil-bidu deher li Sliema setgħu jiddominaw.
Wara li Nicky Grixti salva penalty ta’ Dino Zammit kmieni fil-logħba, Sirens sofrew daqqa ta’ ħarta meta tkeċċa Matthew Mifsud. Sliema rnexxielhom jibnu vantaġġ ta’ 6-2 fl-ewwel sessjoni b’doppjetti ta’ Elijah Schembri u Sam Engerer flimkien ma’ gowl ta’ Jayden Cassar.
Sirens wettqu reazzjoni denja, naqqsu d-distakk għal żewġ gowls sa tmiem is-sessjoni u saħansitra għamlu l-iskor indaqs kmieni fit-tieni sessjoni. Sliema stenbħu u reġgħu bnew vantaġġ ta’ 10-7 għalkemm Jerome Zerafa Gregory wieġeb bit-tieni gowl personali.
Is-Slimiżi baqgħu pass qabel l-avversarji fit-tielet sessjoni għalkemm ma għalqux il-logħba. Jayden Cassar kabbar il-vantaġġ għal 13-9 fl-aħħar sessjoni iżda gowls ta’ Mattias Ortoleva u l-eks Andreas Galea taw bixra differenti lill-konfront f’dak il-ħin.
Madankollu Sirens qatt ma resqu gowl qrib u dan il-fatt wassal biex dejjem kellhom jiġru wara r-riżultat. Il-gowls ta’ Elijah Schembri u Liam Galea aċċertaw mir-rebħa filwaqt li wara żewġ gowls ta’ Sirens, reġa’ kien Galea li ssiġilla r-rebħa. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Sliema Dino Zammit ġie ppreżentat bit-trofew tar-rebbieħa.
Sirens: N. Grixti, P. Serracino, A. Galea (1), G. Pace (1), J. Zerafa Gregory (2), K. Agius, M. Ortoleva (4), I. Riolo, M. Mifsud, M. Sciberras (3), Z. Mizzi (2), A. Dimech, I. Schembri, N. Rafailovic
Sliema: B. Busuttil, S. Busuttil, L. Galea (4), J. Gambin, J. Cassar (2), B. Cachia (2), G. Gatt, D. Rizzo, E. Schembri (3), J. Cachia (3), J. Chircop, D. Zammit, Z. Dzanovic, S. Engerer (2)
Referees: Rob Bijeman, Alex de Raffaele
NEPTUNES BEST GYMS……. 6
SAN ĠILJAN MAA DAIKIN…. 15
(1-5), (2-3), (1-3), (2-4)
San Ġiljan MAA Daikin temmew din l-edizzjoni fit-tielet post. Minkejja li affrontaw lil Neptunes Best Gyms, il-logħba kienet aktar qisha partita ta’ ħbiberija, b’attendenza fqira, nuqqas ta’ intensità kbira u konfront dominat mill-Ġiljaniżi. Wieħed ma jridx ineħħi l-fatt li ż-żewġ timijiet ma kinux bl-aqwa formazzjoni tagħhom.
Wara li Alistair Cook wieġeb parzjalment għall-gowl ta’ Nikolai Zammit, San Ġiljan fetħu vantaġġ ta’ 5-1 sa tmiem l-ewwel sessjoni. Neptunes naqqsu d-distakk għal 5-3 kmieni fit-tieni sessjoni iżda gowls ta’ Nikolai Zammit, Jeremy Abela u Ben Plumpton fl-aħħar tliet minuti tas-sessjoni, daħħlu lil San Ġiljan 8-3 fuq quddiem.
Il-vantaġġ kompla jikber fit-tielet sessjoni, perjodu li fih San Ġiljan neħħew kull dubju fejn kienet sejra l-logħba, b’saħansitra distakk parzjali ta’ tmien gowls. Huma komplew jamministraw l-aħħar sessjoni b’Shailon Cutajar irnexxielu jiskorja doppjetta.
Neptunes: M. Farrugia, M. Lanzon, J. Pawley, L. Mallia, B. Lewis (1), A. Cook (1), S. Mifsud, E. Mallia (1), R. Galea, J. Borg Tabone, A. Fava (2), M. Azzopardi (1), A. Micallef, A. Buhagiar
San Ġiljan: A. Muscat, D. Bugeja, D. Tully (2), S. Cutajar (2), R. Caruana (1), M. Zammit (1), G. Bonavia, B, Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit (3), D. Zammit, N. Schiavone, R. Kaszanyi, L. Dimech (3)
Referees: Stefan Licari, Neville Mercieca
//= $special ?>

