L-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex u l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex qed jippubblikaw ir-riżultati tar-raba’ stħarriġ dwar is-Sentiment tan-Negozji f’Għawdex (GBS), li sar b’mod konġunt bejn iż-żewġ entitajiet. Dan jirreferi għar-riżultati tal-istħarriġ li sar f’ Settembru 2025.
L-għan tal-GBS huwa li joffri analiżi iktar dettaljata dwar l-iżviluppi settorjali u x-xejriet emerġenti. Dan is-servej isir kull sitt xhur. Din l-inizjattiva ta’ djalogu kontinwu għandha l-għan li ssaħħaħ il-komunikazzjoni regolari man-negozji li joperaw f’Għawdex, billi tiġbor informazzjoni f’waqtha dwar l-andament reċenti, l-aspettattivi relatati mal-attività kummerċjali, ix-xejriet fl-investiment u l-impjiegi, kif ukoll l-andament tal prezzijiet.
B’dan il-mod, l-istħarriġ jikkumplimenta l-indikaturi ekonomiċi uffiċjali li ħafna drabi jkunu disponibbli wara ċertu żmien.
Barra minn hekk, in-negozji huma mħeġġa jaqsmu l-perspettivi tagħhom dwar l-iżviluppi settorjali u kwistjonijiet ekonomiċi attwali, u joffru rispons kwalitattiv li jippermetti kemm lill-Awtorità kif ukoll lill-Kamra jifhmu aħjar il-fatturi li qed imexxu x-xejriet ekonomiċi preżenti u futuri.
Il-metodoloġija tal-kampjun li jintuża tibqa’ l-istess f’kull perjodu, flimkien malistratifikazzjoni tal-kampjun li tirrifletti l-kompożizzjoni tal-ekonomija Għawdxija. Linformazzjoni li qed tiġi ppubblikata llum tirrifletti r-riżultati tal-istħarriġ imwettaq f’Settembru
2025.
Dawn huma xi punti ewlenin mir-riżultati tal-istħarriġ:
Kundizzjonijiet u Aspettattivi tan-Negozju
- F’Settembru 2025, in-negozji f’Għawdex komplew jirrappurtaw kundizzjonijiet kummerċjali pożittivi, u b’hekk ikkonfermaw ix-xejra pożittiva li diġa’ kienet ġiet reġistrata fis-servej ta’ qabel.
- Il-bilanċ nett ta’ negozji li esperjenzaw titjib fl-attività tagħhom żdied kemm meta mqabbel mal-perjodu preċedenti u kif ukoll mal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
- Bejn Marzu 2025 u Settembru 2025, 38% tan-negozji indikaw titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom, meta mqabbel ma’ 30% rreġistrati f’ Marzu 2025.
- Il-bilanċ nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tela’ għal 30%, żieda qawwija mill-14% irrappurtati fl-istħarriġ ta’ qabel, u l-ogħla livell irreġistrat sa minn meta beda l-eżerċizzju.
- Is-settur sekondarju – prinċipalment il-manifattura u l-kostruzzjoni – irreġistra bilanċ nett pożittiv ta’ 41%.
- Fis-settur tas-servizzi, il-bilanċ nett ġenerali kien wieħed pożittiv ta’ 32%. Sentiment partikolarment b’saħħtu ġie rrappurtat fis-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel (57%), għalkemm f’ċifra kemxejn aktar baxxa, fis-setturi tal-edukazzjoni u s-saħħa (50%).
Bilanċi netti pożittivi ġew irreġistrati wkoll fl-attivitajiet professjonali, xjentifiċi,
amministrattivi u servizzi ta’ sapport (36%) u fl-attivitajiet finanzjarji, tal-assigurazzjoni
u tal-proprjetà immobbli (33%). - L-aħħar riżultati tal-istħarriġ reġgħu kkonfermaw li n-nuqqas ta’ ħaddiema adattati tibqa’ l-akbar sfida għan-negozji f’Għawdex. Din il-problema kienet partikolarment prominenti fost negozji fl-edukazzjoni u s-saħħa, fis-setturi relatati mat-turiżmu, u fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
- 40% tan-negozji indikaw li l-pressjonijiet fuq l-ispejjeż kienu sfida – żieda ta’ erba’ punti
perċentwali meta mqabbel mal-istħarriġ ta’ Marzu. - It-tnaqqis fil-bejgħ jibqa’ kwistjoni ta’ tħassib, b’żieda fl-importanza tiegħu meta mqabbel ma’ Marzu 2025, u f’livelli simili għal dawk irrappurtati sena qabel. L-aktar tħassib prominenti kien fost negozji li qed joperaw fil-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut
(56%). - 61% tan-negozji qed jistennew kundizzjonijiet stabbli fis-sitt xhur li ġejjin. Is-settur
sekondarju (manifattura u industrija) irreġistra l-ogħla bilanċ nett pożittiv b’41%.
Prezzijiet - Għalkemm il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż naqsu xi ftit minn meta beda dan l-eżerċizzju f’Settembru 2023, xorta waħda din tibqa’ kwistjoni importanti għan-negozji f’Għawdex. 68% ta’ dawk li rrispondew għas-servej f’Settembru 2025 qed jistennew żieda fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi essenzjali għall-operat tagħhom fis-sitt xhur li ġejjin.
- F’Settembru 2025, 32% tan-negozji indikaw li qed jistennew li jgħollu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom matul il-perjodu li ġej.
- Impjiegi
- L-aħħar stħarriġ ikompli juri s-saħħa tas-suq tax-xogħol f’Għawdex. Matul l-aħħar sitt xhur, 34% tan-negozji intervistati rrappurtaw li żiedu l-ħaddiema tagħhom.
- Nofs in-negozji qed jippjanaw li jżidu l-għadd tal-impjegati fis-sitt xhur li ġejjin.
- Fis-settur sekondarju, b’mod partikolari fost in-negozji tal-manifattura, kważi 90% qed
jistennew li jimpjegaw aktar ħaddiema.
Investiment - Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li 63% tan-negozji qed jistennew li jagħmlu investiment fis-sitt xhur li ġejjin – l-ogħla livell irreġistrat sa minn meta beda dan l-eżerċizzju fl-2023.
Enfasi fuq id-Diversita’ u l-Inklużjoni fuq il-Post tax-Xogħol - Fl-istħarriġ ta’ Settembru 2025 inġabret informazzjoni speċifika fuq id-diversita’ u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq kif min iħaddem f’Għawdex jinterpretaw dawn l-aspetti fl-organizzazzjonijiet tagħhom.
- Kważi 65% tan-negozji li pparteċipaw għandhom mill-inqas ħaddiem wieħed mhux lokali. Fost dawn, 34% qalu li l-ħaddiema mhux lokali jammontaw sa 25% tal-ħaddiema tagħhom, 10% indikaw proporzjon sa 50%, filwaqt li 20% qalu li aktar minn nofs l-impjegati tagħhom huma mhux lokali. Dan l-aħħar grupp huwa magħmul l-aktar minn negozji b’aktar minn 50 impjegat. Il-ħaddiema ta’ iktar minn nofs dawn l-intrapriżi (dawk b’iktar minn 50 impjegat) huma primarjament mhux lokali.
- Fost dawk li jimpjegaw ħaddiema mhux lokali, kważi 50% irrappurtaw li għandhom sa tliet nazzjonalitajiet differenti impjegati magħhom. 18% oħra indikaw sa ħames nazzjonalitajiet, filwaqt li 25% irrappurtaw sa għaxar nazzjonalitajiet.
- In-negozji ġew ukoll mistoqsija jekk għandhomx miżuri jew policies biex jappoġġjaw id-diversità, bħal qafas ta’ opportunitajiet indaqs, taħriġ dwar sensittività kulturali, jew inizjattivi ta’ integrazzjoni. Maġġoranza ċara (80%) qalu li diġà għandhom dawn il-policies fis-seħħ, filwaqt li 14% oħra qed jikkunsidraw li jintroduċuhom.
- Meta ġew analizzati l-akbar sfidi li qed jaffaċċja min iħaddem, l-ostakli relatati mal-lingwa ħarġu bħala l-aktar kwistjoni komuni, segwita mid-differenzi kulturali u diffikultajiet marbuta maż-żamma tal-impjegati.
- Kważi nofs dawk li rrispondew (45%) identifikaw programmi ta’ taħriġ bħala l-aktar forma ta’ appoġġ utli biex tgħinhom jimmaniġġjaw l-impjegati tagħhom, f’kuntest ikbar ta’diversita’. Dan kien segwit minn talbiet għal gwida aktar ċara dwar il-proċessi legali u amministrattivi (22%), u inċentivi finanzjarji (16%).
- Min iħaddem identifika il-possibilta’ li jsib il-ħaddiema neċessarji, bħala l-ikbar benefiċċju li jħaddem ħaddiema mhux lokali. Benefiċċji oħra jinkludu aċċess għal ħiliet li ma jkunux disponibbli lokalment, u flessibbiltà operattiva akbar


