Lokali

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju għall-Arti 2025

Is-seba’ edizzjoni, li qed tittella' fl-għaxar anniversarju tal-Kunsill Malti għall-Arti, laħqet rekord ta’ 600 nomina

Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, ħabbar ir-rebbieħa tal-Premju għall-Arti 2025. 

L-edizzjoni ta’ dis-sena tirrappreżenta wkoll tragward importanti hekk kif laħqet rekord ta’ 600 nomina, l-akbar ammont minn meta twaqqaf dan il-Premju.

Ir-rebbieħa tħabbru minn 14-il kategorija kompetittiva, waqt li ngħataw seba’ titli lil individwi u organizzazzjonijiet li l-kontribut tagħhom tul iż-żmien sawwar ix-xena kulturali ta’ Malta. Intuża wkoll il-vot tal-pubbliku f’erba’ kategoriji, li ġibed lejh 2,100 vot, ammont li juri t-tkabbir fl-impenn tal-udjenzi lejn il-proċess ta’ dan il-Premju.

Luke Dalli, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-KMA, saħaq dwar l-irwol tal-Premju fit-tisħiħ tal-istandards professjonali fi ħdan is-settur. “Il-Premju għall-Arti jkompli jinkoraġġixxi lill-artisti u l-organizzazzjonijiet biex jistinkaw għall-eċċellenza. Ir-rispons qawwi ta’ dis-sena juri settur li qed jimmatura, jinvesti fis-sengħa tiegħu, u li jieħu approċċ aktar professjonali għall-ħolqien u l-kollaborazzjoni. Waqt li l-KMA qed jiċċelebra l-ewwel għaxar snin tiegħu, nibqgħu impenjati biex inwieżnu dal-momentum u niżguraw li l-kwalità tibqa’ r-riga tas-settur.”