Internazzjonali

L-Istati Uniti tgħid li sar progress fit-taħditiet mal-Ukrajna

In-negozjaturi Ukreni u Amerikani sejħu lir-Russja biex tikkommetti ruħa għall-paċi fit-tul, wara li t-taħditiet f’Moska ntemmu mingħajr ebda progress kmieni din il-ġimgħa.

L-appell sar mill-mibgħut speċjali Amerikan Steve Witkoff u s-segretarju tal-kunsill tas-sigurtà nazzjonali tal-Ukrajna Rustem Umerov, wara jumejn ta’ dak li ddeskrivew bħala “diskussjonijiet kostruttivi” fi Florida.

Jared Kushner li huwa konsulent fl-isforzi diplomatiċi riċenti se jkun qed jipparteċipa fit-tielet jum ta’ taħditiet li se jsiru s-Sibt.


Fi stqarrija, in-negozjaturi qalu li t-tmiem tal-gwerra tiddependi fuq il-preparazzjoni tar-Russja biex tieħu passi lejn id-de-eskalazzjoni u l-waqfien tal-vjolenza.

It-taħditiet f’Florida saru wara li Witkoff qatta’ kważi ħames sigħat mal-President Russu Vladimir Putin f’Moska nhar it-Tlieta.

Il-Kremlin aktar tard qal li ma ntlaħaq “ebda kompromess” dwar il-pjan ta’ paċi tal-Istati Uniti – għalkemm Putin indika li kien lest li jkompli jiltaqa’ ma’ uffiċjali Amerikani.

L-Ukrajna u diversi alleati Ewropej staqsew jekk ir-Russja tridx verament ittemm din il-gwerra.


Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, qal li ried id-dettalji sħaħ tat-taħditiet ta’ Moska, u akkuża lil Putin li qed isib skużi ġodda biex tittawwal il-gwerra.

Kwistjonijiet ewlenin għadhom mhux solvuti, inklużi garanziji ta’ sigurtà għall-Ukrajna u kwistjonijiet territorjali fid-Donbas.

L-Ukrajna u s-sħab Ewropej tagħha jkomplu jargumentaw li s-sigurtà fit-tul teħtieġ sħubija fin-NATO jew garanziji qawwija ta’ difiża, pożizzjoni li kemm ir-Russja kif ukoll il-President Trump opponuha.

Intant, fl-aħħar sieghat ir-Russja nediet, attakk kbir fuq l-infrastrutura Ukrena.

Matul il-lejl, ir-Russja nediet 653 drone u 51 missila, bil-maġġoranza tagħhom ikunu eliminati mill-Awtoritajiet.

B’waħda minn dawn id-drones, jolqot railway hub fil-belt ta’ Fativ ftit lil hinn minn Kyiv, bir-riżultat li waħda mill-binjiet tal-istation inqerdet.