Lokali

L-iżvilupp approvat fil-qalba ta’ Ħaż-Żabbar se jirrovina l-karattru uniku u storiku tal-lokalità – PN

B’konsistenza mal-pożizzjoni li ħadu sa mill-bidu, il-kunsillieri lokali tal-PN se jappoġġjaw lir-residenti fil-protesta ta’ nhar it-Tnejn kontra dan l-iżvilupp

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar, b’konsistenza mal-pożizzjoni li ħadu sa mill-bidu, jerġgħu jesprimu b’mod ċar l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvilupp sproporzjonat li se jgħarraq il-qalba ta’ Ħaż-Żabbar.

Il-pożizzjoni tal-kunsillieri tal-PN ilha magħrufa sew tul il-proċess kollu – kontra dan il-proġett li issa ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, għax joħloq riskju li jirrovina l-karattru uniku u storiku u l-armonija urbanistika ta’ Ħaż-Żabbar.

Sostnew dan fi stqarrija, il-Minority Leader tal-PN f’Ħaż-Żabbar, Joseph Buttigieg, il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar Anna Calleja u l-Kunsillier Lokali tal-PN f’Ħaż-Żabbar, Leone Sciberras ,fejn qalu li Sa mill-bidu, il-kunsilliera Nazzjonalisti wrew it-tħassib tagħhom li l-binja proposta, biswit iż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana – żona li hija speċifikament intenzjonata biex tissalvagwardja u tipproteġi l-identità arkitettonika tal-lokalità – se tkun ferm aktar għolja u allura tistona drastikament mal-kuntest tal-inħawi.

Il-fatt li dan l-iżvilupp hu daqstant viċin tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja se joħloq impatt negattiv serju li ma jistax jiġi injorat jew miċħud. L-għoli u l-volum proposti, flimkien mal-faċċati (blank party walls) enormi u mingħajr valur estetiku jew urbanistiku, jagħmlu dan l-iżvilupp kompletament aljen għall-kuntest storiku u għall-armonija urbanistika taż-żona. Dan l-impatt isir saħansitra aktar gravi f’każ li jiżdiedu żewġ sulari oħra taħt il-policy tal-binjiet għall-anzjani, fejn jinħoloq preċedent perikoluż għall-qalba ta’ Ħaż-Żabbar.

Dan il-permess qed ikompli jnaqqar mill-kwalità tal-ħajja tar-residenti u jipperikola tradizzjonijiet kulturali li jagħtu identità lil Ħaż-Żabbar, fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet relatati mal-festa tal-Madonna tal-Grazzja.

Il-kunsillieri tal-PN jesprimu diżappunt serju għall-mod kif il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar ġiet injorata kompletament mill-Awtorità tal-Ippjanar. Din is-sitwazzjoni tikkonferma li l-parteċipazzjoni tal-kunsilli lokali fil-proċessi ta’ din l-Awtorità saret kważi farsa, minkejja li l-gvern lokali suppost huwa l-eqreb istituzzjoni governattiva lejn il-komunitajiet u l-aktar li tifhem ir-realtajiet tar-residenti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Din id-deċiżjoni hija wkoll xhieda tal-falliment tas-sistema tal-ippjanar, illum b’policies ambigwi u konfużi li jsostnu mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità u jinjora l-kwalità. Dan kollu qed iwassal għal żviluppi li jnaqqsu l-valur ta’ lokalitajiet sħaħ u jimminaw ir-rispett lejn il-wirt storiku u kulturali, waqt li jkerrhu l-ambjenti tagħna. L-approvazzjoni ta’ dan il-proġett huwa riflessjoni ċar ta’ sistema li tilfet il-kapaċità tagħha li tħares l-aħjar interess tal-komunitajiet.

Għaldaqstant, il-kunsillieri tal-PN, b’konsistenza mal-pożizzjoni li dejjem ħadu dwar dan l-iżvilupp, se jingħaqdu mar-residenti fil-protesta mħabbra għal nhar it-Tnejn u jħeġġuhom biex juru b’mod determinat li Ħaż-Żabbar jistħoqqlu ħafna aħjar.

Din mhix azzjoni kontra l-progress, iżda favur progress responsabbli u sostenibbli, li jsaħħaħ u mhux iħassar l-identità ta’ lokalità li għandha storja u karattru uniku f’pajjiżna.

Bħala rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-komunità, huma se jkomplu jaħdmu biex iwasslu l-viżjoni tal-PN għal sistema tal-ippjanar sostenibbli, trasparenti, parteċipattiva u mibnija fuq il-ġid komuni. Viżjoni li tpoġġi lill-komunità fiċ-ċentru u li tirrispetta l-wirt storiku u kulturali kif ukoll l-ambjent.