Il-Maġistrat Nadine Sant Lia kkritikat il-mod kif il-pulizija ħadmet każ ta’ allegat ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni, wara li raġel tressaq taħt arrest minflok b’ċitazzjoni, minkejja li l-akkuża kienet ibbażata fuq email waħda biss.
Ir-raġel tressaq il-Ġimgħa mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa fit-23 ta’ Awwissu 2024 mill-Maġistrat Lara Lanfranco, li kienet tipprojbih milli jikkomunika b’kull mod mal-ex sieħba tiegħu. Hu wieġeb mhux ħati.
L-Ispettur Omar Zammit spjega li fit-2 ta’ Diċembru, t-Taqsima tal-vjolenza domestika rċeviet rapport minn mara li allegat li l-ex partner tagħha bagħtilha email bejn il-27 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru. L-email kien fih żewġ attachments: screenshot mir-reġistru elettorali li juri l-indirizz il-ġdid tagħha, u screenshot ta’ ritratt tagħha ma’ raġel ieħor mill-profil ta’ Facebook.
Id-difiża, immexxija mill-avukat Nicholas Mifsud, staqsiet x’wassal biex l-akkużat jinżamm taħt arrest minflok jissejjaħ bil-proċedura ordinarja. Il-prosekuzzjoni qalet li l-arrest sar minħabba li sar ksur tal-ordni. Meta Dr. Mifsud staqsa jekk il-pulizija talbux ordni ta’ protezzjoni temporanja, l-Ispettur wieġeb li le.
Mifsud sostna li l-akkużat, li jaħdem f’kariga maniġerjali full-time fis-servizz pubbliku, kien ilu aktar minn sena b’ordni ta’ protezzjoni mingħajr l-iċken avviż jew allegazzjoni ta’ ksur. Minkejja dan, hu nżamm, interrogat u tressaq il-Qorti fuq il-bażi ta’ email waħda.
Il-Maġistrat Sant Lia esprimiet tħassib dwar inkonsistenzi sistematiċi dwar kif każijiet simili jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti. Hija nnutat li dan il-każ seta’ faċilment jitressaq permezz ta’ ċitazzjoni, u li kien hemm każijiet b’allegazzjonijiet ferm aktar gravi li ttieħdu b’din il-proċedura aktar milli bl-arrest immedjat.
Fl-aħħar, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat b’depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €3,000. Ġie impost curfew minn nofsillejl sas-5 ta’ filgħodu, flimkien mal-obbligu li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud deher għad-difiża. L-avukati Alessandro Farrugia u Kris Busietta dehru bħala parte civile.
//= $special ?>

