Internazzjonali

Tifel ta’ 3 snin fost il-vittmi ta’ sparatura fl-Afrika t’Isfel

Mill-inqas 11-il persuna nqatlu fi sparatura f’hostel fl-Afrika t’Isfel.


L-attakk seħħ kmieni is-Sibt fil-belt ta’ Saulsville, fil-punent ta’ Pretoria.

Il-pulizija lokali qalu li grupp ta’ nies kienu qed jixorbu fil-hostel meta mill-inqas tliet irġiel armati daħlu fil-bini u bdew jisparaw.

Total ta’ 25 persuna ġew milwuta mit-tiri li ġew sparati. Fost dawk li mietu kien hemm vittma ta’ tliet snin, tifel ta’ 12-il sena, u tfajla ta’ 16-il sena. Erbatax-il persuna oħra ndarbu u ttieħdu b’ambulanza, fl-eqreb sptarijiet.

Il-kelliem tal-pulizija, il-Brigadier Athlenda Mathe, qalet li għadu mhux magħruf x’wassal eżatt għal dan l-attakk. U li s’issa għadhom ma saru l-ebda arresti hekk kif l-uffiċjali qed ikomplu jfittxu lis-suspettati. Mathe iddeskrivit l-hostel bħala post li mhuiex liċenzjat biex ibigħ l-alkoħol, u osservat li ħafna sparaturi riċenti fil-pajjiż seħħew f’postijiet bħal dawn.

L-Afrika t’Isfel għadha qed tiffaċċja livelli għoljin ta’ kriminalità vjolenti. Skont ċifri tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2023–24, il-pajjiż għandu rata ta’ qtil ta’ 45 għal kull 100,000 persuna. Ir-rekords tal-pulizija juru li medja ta’ 63 persuna nqatlu kuljum bejn April u Settembru.