Lokali

25 sena ta’ Dar Arka: L-ewwel Dar għall-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex

Kien inawgurat ukoll bust ta' Monsinjur Manuel Curmi, kif ukoll ġiet ippubblikata bijografija tiegħu

25 sena ta’ ħidma mal-aktar persuni li għandhom bżonn fis-soċjetà tagħna. 25 sena ta’ għajnuna frott il-ħidma tal-Monsinjur Manuel Curmi.

Kien propju għalhekk illi matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-komunità Għawdxija ingħaqdet fil-Knisja tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem Għawdex, għaċ-ċelebrazzjoni tal-25 sena ta’ Dar Arka. Fejn anke saret inawgurazzjoni ta’ bust u l-bijografija ta’ Monsinjur Manuel Curmi.

Dar Arka, hija l-ewwel dar għall-persuni b’diżabbiltà li nfetħet fil-Gżira Għawdxija lura fis-sena 2000. Din id-dar, tikkonsisti fi 15-il kamra u li tul is-snin rat numru ta’ investimenti sabiex sar rinovar.

Monsinjur Manuel Curmi, kien fetaħ l-ewwel dar f’Għajnsielem, fejn imbagħat infetħu żewġt idjar oħra fil-komunità li fihom jgħixu għaxar persuni li jgħixu b’mod indipendenti.

Waqt l-omelija tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma tkellem dwar ix-xogħol li wettaq Monsinjur Manuel Curmi ma’ persuni li għandhom diżabbiltà, u li wettaq dan bil-qawwa ta’ Alla. Bħalu, kulħadd għandu jkun ħanin u jgħin lil dawk li huma fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien ma’ Sarah u anke s-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea.