F’intervista mall-prezentatur ta’ Newsbook RTK 103 Matthias Mercieca, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem fit-tul dwar il-kontroversja li qed iddur madwar il-Ministru għall-akkomodazzjoni affordabbli Roderick Galdes, wara li dan akkwista proprjetà f’Għawdex bi prezz deskritt bħala straordinarjament baxx mingħand kumpanija marbuta mal-iżviluppatur Joseph Portelli.
Alex Borg insista li l-każ iqajjem kunflitt serju ta’ interess, peress li kumpaniji marbuta mal-istess żviluppatur ngħataw kuntratti ta’ valur għoli mill-istess d-dipartiment li jaqga’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Galdes. Huwa sostna li l-PN jemmen fit-trasparenza u li każ bħal dan “ma jistax jiġi injorat”.
Il-Kap tal-PN rrefera wkoll għall-allegazzjonijiet li għamlet l-eks MEP Laburista Marlene Mizzi, li qalet li Galdes kien iħobb jitħabbeb mal-diversi kuntratturi tal-Housing Authority, saħansitra barra l-ħin tax-xogħol.
Alex Borg semma wkoll rapporti li juru li penthouse simili f’Malta illum tiswa madwar nofs miljun ewro, filwaqt li rapport tat-Times of Malta kkonferma wkoll li penthouse iżgħar fl-istess blokka li inbiegħet sentejn ilu bla garaxx.. inbiegħet għal prezz ta’ €185,000 – ferm inqas mill-€140,000 li ħallas il-Ministru sentejn wara dan it-trasferiment. Din id-differenza, qal Borg, tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-proċess kollu.
Alex Borg żied jgħid li dan il-każ huwa insult għal dawk iż-żgħażagħ li llum qed isibuha kważi impossibbli jsiru sidien ta’ darhom minħabba l-prezzijiet għoljin fis-suq tal-proprjetà. Huwa sostna li l-kuntrast bejn dak li jħallsu ż-żgħażagħ u dak li ħallas il-Ministru jagħmel is-sitwazzjoni “aktar inkwetanti”.
Dan filwaqt li semma diversi proposti dwar x’biħsiebu jagħmel il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv sabiex jindirizza l-kriżijiet fil-propjetà u jagħti ċans ġenwin liż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar iz-zewg kazijiet ta’ aggressjoni li seħħew reċentement f’zewġ skejjel bejn l-istudenti. Huwa sellem lill-edukaturi u wera solidarjetà ma’ dawk li jbatu minn bullying u abbużi fis-sistema edukattiva. Sostna li l-iskejjel għandhom jagħtu sigurtà reali lit-tfal u lill-ġenituri u li t-tfal iridu jingħataw l-għodod biex jiffaċċjaw l-isfidi moderni, fosthom l-abbuż fuq il-midja soċjali. Borg qal li bħala gvern alternattiv, il-PN għandu pjan ċar biex it-tfal jkollhom aktar protezzjoni u appoġġ fil-kuntest skolastiku.
Alex Borg qal ukoll li pajjiżna għandu jibda jintroduċi taħriġ f’oqsma bħall-AI, FinTech, med-tech u gaming minn età żgħira, saħansitra mis-sekondarja.
Waqt li ddiskuta l-kwistjoni tat-taxxi addizzjonali fuq ċertu mediċini, Borg qal li llum il-formularju tal-Gvern kwazi joffri biss generic medicines, li spiss ma jkunux effettivi daqs l-originator drugs. U dan kollu qed iwassal biex il-poplu jixtri dawn l-medicini minn buthom, għaliex huma iżjed effettivi.
Alex Borg kritika wkoll l-avvizz legali li ddaħħal baxx baxx mill-Gvern Laburista wara l-Budget, li se jħalli effett negattiv fuq il-konsumatur billi introduċa taxxi addizzjonali fuq ċerti mediċini, b’detriment għall-poplu Malti li se jispiċċa jbati iżjed spejjez.
Dwar il-ħaddiema barranin, Alex Borg qal li hu meħtieġ li jsir labour market study biex pajjiżna jifhem aħjar mhux biss kemm għandna bżonn ħaddiema barranin, iżda fejn eżatt għandna bżonnhom.
Alex Borg tkellem ukoll dwar il-progress li sar fis-sistema legali li tittratta il-vjolenza domestika f’pajjizna, izda għad fadal ħafna nuqqasijiet, speċjalment fl-appoġġ li jingħata lin-nisa u lill-familji li jsibu ruħhom f’ċirkustanzi ta’ abbuż.
Alex Borg saħaq li s-sistema tal-ġustizzja għandha backlog enormi li qed ipoġġi lill-vittmi f’riskju li jerġgħu jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika, filwaqt li insista fuq riforma serja fil-qrati biex jitnaqqas d-dewmien fil-każijiet u titjieb il-protezzjoni tal-vittmi.
Dwar Għawdex, il-Kap tal-PN insista li huwa essenzjali li l-Gzira Għawdxija iżomm il-kultura u l-identità tagħha. Madankollu, qal li għandu jkun hemm żvilupp li jsir b’għaqal u b’viżjoni, sabiex ma jintilifx dak li jagħmel lil Għawdex uniku u attraenti għat-turisti u għall-Maltin.
Borg enfasizza l-ħtieġa li jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità f’Għawdex, u qal li l-Gozo Innovation Hub għandu jintuża bis-sħiħ biex jattira kumpaniji li jistgħu joffru impjiegi ta’ livell għoli.
Alex Borg sostna wkoll li hemm bżonn investiment serju fil-konnetivita bejn Malta u Għawdex, u li l-portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa għandhom jiġu aġġornati biex jifilħu għad-domanda moderna, b’ħames vapuri u mezz ta’ trasport aktar effiċjenti għall-merkanzija.
Fl-aħħar nett, Borg tkellem dwar il-crowdfunding u l-podcast tiegħu, li qal li kienu inizjattivi li wrew kemm hu u l-PN huma miftuħa għal modi moderni ta’ komunikazzjoni u għal politika aktar trasparenti.
Alex Borg qal li l-outreach beda mill-ewwel jum li sar Kap u qatt ma waqaf jaħdem u jitkellem man-nies, filwaqt li temm jgħid li minkejja fadal ħafna xi jsir u t-triq tista’ tidher twila, “fl-aħħar tat-triq hemm it-tama.”
//= $special ?>
