Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jemmen fit-trasparenza u l-prinċipju li dak li jiġi mwiegħed, jitwettaq.
Hekk kif qed riesaq lejn il-mitt jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista mal-ġurnalist ta’ Newsbook, Matthias Mercieca, Alex Borg iddikjara li se jippubblika l-accounts tiegħu, kif wiegħed fil-kampanja tiegħu għall-Kap tal-PN. Borg insista li jemmen fil-trasparenza, f’politika ċara u f’principju fundamentali: dak li jiġi mwiegħed, għandu jitwettaq.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-crowdfunding u l-podcast tiegħu, li qal li kienu inizjattivi li wrew kemm hu u l-PN huma miftuħa għal modi moderni ta’ komunikazzjoni u għal politika aktar trasparenti.
Alex Borg qal li l-outreach beda mill-ewwel jum li sar Kap u qatt ma waqaf jaħdem u jitkellem man-nies, filwaqt li temm jgħid li minkejja fadal ħafna xi jsir u t-triq tista’ tidher twila, “fl-aħħar tat-triq hemm it-tama.”
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar iz-zewg kazijiet ta’ aggressjoni li seħħew reċentement f’zewġ skejjel bejn l-istudenti. Huwa sellem lill-edukaturi u wera solidarjetà ma’ dawk li jbatu minn bullying u abbużi fis-sistema edukattiva. Sostna li l-iskejjel għandhom jagħtu sigurtà reali lit-tfal u lill-ġenituri u li t-tfal iridu jingħataw l-għodod biex jiffaċċjaw l-isfidi moderni, fosthom l-abbuż fuq il-midja soċjali. Borg qal li bħala gvern alternattiv, il-PN għandu pjan ċar biex it-tfal jkollhom aktar protezzjoni u appoġġ fil-kuntest skolastiku.
Alex Borg qal ukoll li pajjiżna għandu jibda jintroduċi taħriġ f’oqsma bħall-AI, FinTech, med-tech u gaming minn età żgħira, saħansitra mis-sekondarja.
Waqt li ddiskuta l-kwistjoni tat-taxxi addizzjonali fuq ċertu mediċini, Borg qal li llum il-formularju tal-Gvern kwazi joffri biss generic medicines, li spiss ma jkunux effettivi daqs l-originator drugs. U dan kollu qed iwassal biex il-poplu jixtri dawn l-medicini minn buthom, għaliex huma iżjed effettivi.
Alex Borg kritika wkoll l-avvizz legali li ddaħħal baxx baxx mill-Gvern Laburista wara l-Budget, li se jħalli effett negattiv fuq il-konsumatur billi introduċa taxxi addizzjonali fuq ċerti mediċini, b’detriment għall-poplu Malti li se jispiċċa jbati iżjed spejjez.
Dwar il-ħaddiema barranin, Alex Borg qal li hu meħtieġ li jsir labour market study biex pajjiżna jifhem aħjar mhux biss kemm għandna bżonn ħaddiema barranin, iżda fejn eżatt għandna bżonnhom.
Alex Borg tkellem ukoll dwar il-progress li sar fis-sistema legali li tittratta il-vjolenza domestika f’pajjizna, izda għad fadal ħafna nuqqasijiet, speċjalment fl-appoġġ li jingħata lin-nisa u lill-familji li jsibu ruħhom f’ċirkustanzi ta’ abbuż.
Alex Borg saħaq li s-sistema tal-ġustizzja għandha backlog enormi li qed ipoġġi lill-vittmi f’riskju li jerġgħu jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika, filwaqt li insista fuq riforma serja fil-qrati biex jitnaqqas d-dewmien fil-każijiet u titjieb il-protezzjoni tal-vittmi.
Dwar Għawdex, il-Kap tal-PN insista li huwa essenzjali li l-Gzira Għawdxija iżomm il-kultura u l-identità tagħha. Madankollu, qal li għandu jkun hemm żvilupp li jsir b’għaqal u b’viżjoni, sabiex ma jintilifx dak li jagħmel lil Għawdex uniku u attraenti għat-turisti u għall-Maltin.
Borg enfasizza l-ħtieġa li jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità f’Għawdex, u qal li l-Gozo Innovation Hub għandu jintuża bis-sħiħ biex jattira kumpaniji li jistgħu joffru impjiegi ta’ livell għoli.
Alex Borg sostna wkoll li hemm bżonn investiment serju fil-konnetivita bejn Malta u Għawdex, u li l-portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa għandhom jiġu aġġornati biex jifilħu għad-domanda moderna, b’ħames vapuri u mezz ta’ trasport aktar effiċjenti għall-merkanzija.
//= $special ?>

