Internazzjonali

Benin: Imxejjen kolp ta’ stat

Il-Gvern tal-Benin qal li l-qawwiet tiegħu rnexxielhom iġibu fix-xejn kolp ta’ stat imwettaq mill-‘fergħat tar-ribelli’ fost l-Armata.

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern f’Porto-Novo qalet li t-taqsimiet tal-Armata li baqgħu leali għall-Gvern ħadu l-azzjoni neċessarja biex iwaqqfu l-kriżi…Azzjoni li. skont l-istqarrija, kienet tirrifletti l-lealtà ta’ dawn is-suldati għar-Repubblika ta’ Benin.

Il-Ministru tal-Intern, Alassane Seido, qal ukoll, waqt indirizz lill-pajjiż , li l-Armata kienet attenta għall-possibbiltà ta’ aktar ‘manuvri ostili’ li jtellfu l-istabbilità fil-pajjiż.

Dan wara li, fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, grupp ta’ suldati, waqt xandira, qalu li kienu keċċew lill-President tal-Benin  Patrice Talon. Dak il-ħin kienu qed jinstemgħu l-isparaturi fl-isfond u fost rapporti li xi ġurnalisti max-Xandar tal-Istat kienu qed jinżammu ostaġġi. Mifhum, li l-President, fl-aħħar sigħat, kien qed jinżamm f’lokalità partikulari għas-sigurtà tiegħu.