Lokali

F’diskors mimli attakki: Robert Abela ma jsemmix imqar darba lil Roderick Galdes

F’diskors ta’ aktar minn 30 minuta, mimli attakki partiġġjani, Robert Abela injora totalment il-fatt illi Ministru li jinsab taħt it-tmexxija tiegħu, sab wiċċu mċappas mal-faċċata ta’ kull gazzetta lokali.

Fiż-Żejtun, il-mexxej Laburista, nesa’ jew konvenjentament naqas milli jsemmi l-aħħar skandlu li sab ruħu fih il-Partit Laburista u li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes. Dan minkejja, illi l-poplu Malti u Għawdxi sab wiċċ Roderick Galdes imċappas mal-faċċata ta’ kull gazzetta f’Malta u Għawdex.

Minflok indirizza l-akbar problema li attwalment għandu Gvern Labursista, fost għajjat isteriku, Robert Abela, bħall-predeċessur tiegħu, iddikjara li pajjiżna huwa “l-għira tad-dinja”.

Kien saħanistra s-Super One illi xeħet storja fuq il-portal tiegħu, li f’Malta ma hawnx problema ta’ overpopulation. U li tant hu hekk, li – skont is-Super One – id-densità f’Malta hi normali meta kkumparata ma’ żoni urbani fi bliet Ewropej. Fejn ikkumparaw iċ-ċokon ta’ pajjiżna ma’ bliet bħal Pariġi u anke Barcelona.

Intant, fid-diskors tiegħu, Abela ftaħar li hu l-ewwel Prim Ministru f’Malta li għandu l-inqas rata ta’ qgħad f’pajjiżna. Dan konvenjentament mingħajr ma semma’ lil dawk il-persuni, li lanqas jaffordjaw saqaf fuq rashom u li sabu ruħhom jgħixu barra.

Robert Abela ikkonferma wkoll illi pajjiżna għadu f’ excessive deficit procedure, l-istess defcit illi daħħalna fih il-Gvern tiegħu stess. Iżda surrealment, fl-istess nifs, ftaħar bl-ekonomija bombastika u li – skont hu – hija l-aqwa ekonomija fl-Ewropa. Dan mingħajr ma semma’ l-fatt illi r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija ta’ 2.7%, cioè, hija ferm għola mir-rata medja fl-Ewropa.