Valletta u Sliema Wanderers għada se jkunu qed jilgħabu l-finali għar-rebħ tal-Jubilee Cup, l-ewwel u l-uniku darba li din il-kompetizzjoni se tkun qed tintlagħab fil-futbol Malti. Il-Jubilee Cup qed tkun organizzata mill-MFA bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 anniversarju tal-assoċjazzjoni.
73 tim ħa sehem f’din il-kompetizzjoni li se tkun intlagħbet f’temp qasir, fejn mill-ewwel logħba sal-finali tal-lejla, se jkunu għaddew tliet xhur u 11-il jum. Ir-rebbieħ fil-logħba tal-lum, li se tkun qed tibda fil-5:30pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, se jkollu l-unur jgħid li fost il-lista twila ta’ unuri mirbuħa, huma se jkunu żiedu r-rebħ ta’ trofew li ebda klabb ieħor Malti m’hu se jkollu.
Bl-istess mod li Valletta rebħu kompetizzjonijiet simili għal dik tal-Jubilee Cup, ċioé t-Tazza taċ-Ċentinarju, u t-Trofew li kien iċċelebra l-100 anniversarju mill-ewwel Kampjonat organizzat mill-MFA, iż-żewġ timijiet illum se jkunu qed jagħmlu l-massimu biex inaqxu isimihom bħala r-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni ta’ darba u li hija waħda komemorattiva bħala parti mill-istorja tal-futbol Malti.
Qabel din il-logħba, filgħodu, tkelm u ż-żewġ kowċis rispettivi, Thane Micallef ta’ Valletta u Paul Zammit ta’ Sliema Wanderers.
Il-kowċ żagħżugħ ta’ Valletta, irrimarka li l-fatt li din il-kompetizzjoni rristringiet l-ammont ta’ plejers barranin li jilgħabu f’kull tim, “dan wassal biex il-Maltin kellhom opportunitá akbar sabiex jilgħabu u juru l-aħjar tagħhom.”
Micallef saħaq li dawn it-tip ta’ partiti, huma aktar faċli għal kwalunkwé kowċ biex jipprepara lill-plejers tiegħu għaliex il-motivazzjoni u l-adrelanina ta’ kull membru fit-tim tiġi naturali. “Fid-dawl ta’ dan il-fatt, wara li kelna riżultati pożittivi fil-mixja tagħna lejn din il-finali, issa ninsabu ħerqana biex nilgħabu dan il-konfront għar-rebħ ta’ dan it-trofew,” żied jgħid Micallef.
Zammit, li sal-lum rebaħ għaxar unuri maġġuri bħala kowċ ta’ klabb, fosthom ir-rebħ ta’ ħames Kampjonati, fakkar li meta ħa dan it-tim f’idejħ, l-iskwadra kienet għadha kemm ġiet relegata għaċ-Challenge League.
“Ma rridux ninsew minn fejn tlaqna tliet snin u nofs ilu, u l-ħidma kbira li saret minn diversi nies biex illum qed nerġgħu naraw lil Sliema Wanderers f’livell fejn qed nerġgħu nikkompetu għall-ogħla unuri tal-futbol Malti,” qal il-kowċ ta’ 56 sena.
Sliema Wanderers u Valletta lagħbu l-aħħar kontra xulxin fil-21 ta’ Settembru li għadda, meta fil-Malta Premier, Valletta kien irnexxilhoim isalvaw punt fl-aħħar azzjoni tal-partita b’gowl ta’ Evandro Gomes fis-96 minuta. Dan tal-aħħar ċaħħad lil Sliema Wanderers minn rebħa wara li kien fil-61 minuta, Mamadu Bah kien tefa’ lis-Slimiżi minn fuq.
Interessanti l-fatt li mill-aħħar 42 partita li dawn it-tnejn f’dawn l-aħħar snin lagħbu kontra xulxin, Valletta rebħu 25 darba b’Sliema Wanderers rebħu biss erbgħa minn dawn il-konfronti. L-aħħar rebħa tal-blues tmur lura għall-24 ta’ Settembru 2023, meta f’partita tal-Kampjonat, kienu għelbu lil Valletta 1-0, b’gowl ta’ Vito Plut.
L-aħħar rebħa ta’ Valletta kontra Sliema Wanderers tmur lura aktar mill-aħħar rebħa Slimiża. Valletta għelbu lil Sliema Wanderers l-aħħar fl-10 t’April 2022, meta dak in-nhar, il-Beltin kienu rebħu 3-1.
Qabel il-logħba t’għada hu ferm diffiċli li wieħed ibassar ir-rebbieħ fil-partita tal-lejla. Li hu żgur hu li ż-żewġ naħat għandhom il-kwalitajiet kollha biex illejla jagħtuna spettaklu ta’ futbol, b’tmiem eċitanti għal min se jkun qed jirbaħ il-Jubilee Cup.
//= $special ?>

