L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tħares id-drittijiet tat-tfal ikkundannat bla riservi l-qtil ta’ għexieren ta’ ċkejknin li seħħ fi tmiem il-ġimgħa f’ Kalogi…Belt fir-reġjun ta’ Kordofan, lejn in-naħa t’isfel tas-Sudan.
Dan wara li kumpless li jservi bħala kindergarten intlaqat direttament mid-drones sparati lejn l-inħawi u fejn mifhum li mietu talanqas 60 persuna, li madwar 40 minnhom kienu tfal.
Il-kelliema għall-UNICEF, sadanittant, qed jgħidu li l-qtil tat-tfal f’kumpless ta’ skola imur kontra kull sens ta’ diċenza umana u meta sfortunatament, fis-Sudan, dejjem aktar tfal qegħdin iħallu l-prezz terribbli ta’ konflitt mingħajr tmiem.
In-Network tat-Tobba fis-Sudan — organizzazzjoni medika li tagħmel xogħol ta’ fejda f’dan il-pajjiż – qed takkuża lill-grupp paramilitari RSF ( Rapid Support Forces) dwar l-attakk indiskriminattiv…Dan meta l-grupp inkwistjoni għadu qed jikkumbatti lill-Armata Sudaniża waqt gwerra ċivili li ilha għaddejja għat-tul taż-żmien.
L-RSF ma weġibx għall-akkuża u, min-naħa tiegħu, qed isostni li l-Armata Sudaniża wettqet attakk bid-drones fuq suq iffullat bin-nies fir-reġjun ta’ Darfur.Dan ukoll fost rapporti li l-Armata, dak il-ħin, kienet qed tattakka depot tal-fuel li tinsab f’zona tas-Sudan viċin iċ-Chad.
Il-qtil taċ-ċivili fis-Sudan ilu għaddej minn April tal-2023 meta faqqgħet il-ġlieda għall-poter bejn l-Armata u l-RSF li darba kienu alleati ta’xulxin.
U fl-aħħar sigħat, il-UNICEF ħeġġet biex l-entitajiet kollha tal-ġellieda fis-Sudan iwaqqfu l-attakki immedjatament waqt li, fl-istess ħin,jippermettu l-aċċess bla xkiel lill-membri tal-aġenziji għall-għajnuna biex iwasslu l-provvisti bażiċi lill-komunitajiet fl-akbar stadju ta’ disprament b’riżultat dirett ta’ dan il-konflitt.
//= $special ?>

