Ir-Russja kompliet bl-attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna anki waqt li l-President Ukren,Volodymyr Zelensky, kien qed jiddettalja l-aħħar kuntatti li kellu mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump…Dan wara telefonata ma’ Trump li Zelensky fissirha bħala ‘kostruttiva’ u wara li delegazzjoni Ukrena kienet involuta fi tlett ijiem ta’ taħditiet mal-Ogħla Uffiċjali Amerikani fi Florida.
Madankollu, ir-Russja kompliet tindika li beħsiebha tkompli bil-bumbardamenti fuq l-ibliet prinċipali tal-Ukrajna anki waqt li għaddej il-proċess diplomatiku.
Intant, il-qawwiet Russi konċentraw l-attakki fuq il-hub industrijali ta’ Kremenchuk, fiċ-ċentru tal-Ukrajna, u meta għad hemm stennija għal konferma dwar il-mejtin u midruba potenzjali.
Is-Sindku ta’ Kremenchuk, Vitaliy Maletsk,qal li d-drones u l-missili tar-Russi laqtu lill-infrastruttura vitali tal-belt, bil-konsegwenza li nqatgħu s-servizzi tad-dawl u l-ilma għal diversi bnadi ta’ din il-belt.
Il-belt ta’ Kremenchuk, li tinsab bejn Kiev, il-kapitali Ukrena u l-fronti tal-battalji fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, ilha mira għall-aggressjoni tar-Russja mindu l-Armati ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Min-naħa tagħhom, l-Ukreni mill-ġdid sparaw kwantità ta’ drones lejn ir-Russja – u bir-Russi jtennu li rnexxielhom iwaqqgħu talanqas 70 minn dawn id-drones f’diversi lokalitajiet.
Ftit hemm dubju li, għalissa, qed tidher ‘il bogħod konklużjoni ta’ ftehim għall-paċi li jissodisfa lill-Ukrajna u, fuq kollox, lir-Russja.
Madankollu, Volodymyr Zelensky mill-ġdid tenna li jinsab determinat biex ikompli jaħdem mal-Istati Uniti biex dan il-ftehim, sa fl-aħħar, ikun irrealizzat. Dan waqt li Zelensky addotta ton pożittiv wara t-taħditiet li kellu ma’ Steve Witkoff, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti u Jared Kushner, li hu miżżewweġ lit-tifla tal-President Trump.
Jidher ukoll, għalissa, li l-aktar tragward diffiċli fin-negozjati jinvolvi l-garanziji biex ir-Russja tibqa’ tirrispetta kwalunkwe ftehim għat-tmiem tal-gwerra.
U filwaqt li l-President Trump qed iwettaq il-pressjoni fuq ir-Russja u l-Ukrajna biex jaqblu mal-pjan tiegħu għat-tmiem tal-gwerra, l-intoppi qegħdin jidhru kbar wisq biex jingħelbu f’’perjodu ta’sempliċi ġranet jew anki ġimgħat.
Sadanittant, il-President Zelensky qed ikompli jwassal il-messaġġ li ‘l-Ukrajna se tibqa’ tikkoopera bis-sħiħ mal-Istati Uniti fl-impenji lejn paċi ġenwina’.
Fi żviluppi oħra, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, mill-ġdid tkellem ma’ Zelensky waqt li, f’isem Franza, offrielu ‘solidarjetà sħiħa’ f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli. Macron tenna li pajjiżu lest biex jaħdem mas-sieħba kollha ħalli, flimkien, inaqqsu mill-qilla tal-gwerra fl-Ukrajna waqt li jwittu t-triq għal waqfien mill-ġlied permanenti.
Intant, il-Gwerra fl-Ukrajna għandha mill-ġdid tkun diskussa fid-dettall waqt laqgħat li se jsiru f’Londra, nhar it-Tnejn, bejn Macron, Zelensky, il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Friedrich Merz.
//= $special ?>

