Is-sewwieq Brittaniku tat-tim McLaren, Lando Norris, rebaħ l-ewwel titlu dinji tiegħu fil-Formula 1 wara li spiċċa fit-tielet post fil-Grand Prix ta’ Abu Dhabi.
Din kienet l-aħħar tellieqa tal-istaġun tal-2025, li saret fil-Yas Marina, f’Abu Dhabi.
Lando Norris, li għandu 26 sena sar il-ħdax-il sewwieq Brittaniku li qatt rebaħ kampjonat tas-sewwieqa tal-F1, kif ukoll l-ewwel sewwieq ta’ McLaren li rebaħ dan it-titlu mill-2008 ’l hawn, meta Lewis Hamilton kien għamel l-istess kisba ma’ McLaren.
Norris kien jaf li t-tielet post kien biżżejjed biex jissiġilla l-kampjonat tas-sewwieqa, irrispettivament minn dak tar-riżultat li kienu se jiksbu r-rivali tiegħu.
Huwa temm dan l-istaġun b’423 punt, żewġ punti aktar minn Max Verstappen ta’ Red Bull, li temm fit-tieni post fuq 421 punt. Fit-tielet post tal-klassifika spiċċa s-sieħeb tat-tim tiegħu, Oscar Piastri, b’410 punti.
Fil-Grand Prix ta’ Abu Dhabi, is-sewwieq Olandiż ta’ Red Bull Max Verstappen rebaħ din it-tellieqa minn pole position.
Fit-tieni post spiċċa Oscar Piastri, li qabeż lil Norris fil-bidu tat-tellieqa. Minkejja dan, Norris baqa’ kalm u konsistenti tul t-tellieqa biex żamm postu it-tielet post, b’dan jkun biżżejjed biex jagħlaq dan l-istaġun bl-aħjar mod possibli.
Għalkemm Verstappen kien għadu fiċ-ċans matematikament li jirbaħ il-ħames titlu konsekuttiv tiegħu, il-prestazzjoni ta’ Lando Norris matul dan l-istaġun kollu għamilha diffiċli ħafna biex l-Olandiż jerġa’ jirbaħ dan il-kampjonat.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-sewwieq ta’ Red Bull kellu jikkuntenta fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat tas-sewwieqa, wara l-prestazzjoni qawwija tiegħu fl-aħħar parti ta’ dan l-istaġun.
Matul din it-tellieqa, Lando Norris ukoll kellu jaqbeż diversi karozzi quddiemu wara li daħal fil-pit, fejn kellu jaqbeż lil Yuki Tsunoda, li ġie penalizzat b’ħames sekondi wara li sfurza lil Norris barra mill-linja tat-tiġrija.
Anke Charles Leclerc ta’ Ferrari, kellu prestazzjoni tajba u għal ħinijiet twal kien ta’ theddida għall-pożizzjoni tat-tielet post ta’ Norris, iżda fl-aħħar temm din it-tellieqa fir-raba post, b’aktar minn ħames sekondi warajh.
Lewis Hamilton, fl-aħħar tellieqa tiegħu f’istaġun ferm diffiċli ma’ Ferrari, irnexxielu jitla’ mis-16-il post għat-tmien post.
Fl-aħħar tat-tellieqa, Norris instema’ emozzjonat ħafna fuq ir-radju wara r-rebħ tal-ewwel kampjonat tiegħu, fejn rringrazzja lit-tim u l-familja tiegħu għal dan is-suċċess.
B’dan it-titlu ta’ Norris, ġiet fi tmiemha d-dominanza ta’ erba’ snin konsekuttivi ta’ Verstappen, u nfetaħ kapitlu ġdid fil-Formula 1.
Għal McLaren, din ir-rebħa tfisser ukoll ritorn fil-quċċata tal-F1, u konferma wkoll li t-tim reġa’ sar forza ewlenija wara ħafna snin ta’ ħidma u progress.
Il-Grand Prix ta’ Abu Dhabi tal-2025 tibqa’ mniżżla fl-istorja bħala t-tellieqa li fiha Lando Norris sar c-Champion tad-Dinja tal-Formula 1 għall-ewwel darba f’ħajtu.
//= $special ?>

