Lokali

“Milied Miegħek”: Ġimgħa ta’ festi u divertiment fid-Dar Ċentrali

Il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-aħħar stadji ta’ tħejjija għall-ewwel edizzjoni ta’ “Milied Miegħek”, il-villaġġ tal-Milied li se jinfirex kemm barra kif ukoll ġewwa d-Dar Ċentrali. Il-preparazzjoni ilha għaddejja xhur sħaħ, inkluż l-installazzjoni ta’ dawl dekorattiv li jixraq f’dawn iż-żminijiet festivi, biex jinħoloq ambjent sabiħ u ta’ komunità.

Il-villaġġ se joffri ħelu u ikel tradizzjonali tal-Milied, wirja tan-natività u presepji, kif ukoll wirja artistika ta’ Joanne Mizzi, bħala parti mill-wirjiet li qed isiru ta’ kull xahar fid-Dar Centrali minn diversi artisti lokali.

Wieħed ser ikun jista’ jgawdi wkoll id-dar ta’ Santa Klaus, żona ddedikata lit-tfal u kompetizzjoni tal-isbaħ kejk dekorrativ tal-Milied.

L-attivitajiet se jibdew fis-6pm fid-9 ta’ Diċembru 2025, u jibqgħu għaddejjin sal-15 ta’ Diċembru. Fl-ewwel ġurnata, Fis-6:30pm se ssir ċerimonja tal-mixgħela mill-Kap tal-PN, segwita minn programm divertenti b’bands u artisti lokali.

L-Għada fl-10 ta’ Diċembru, ser issir attività organizzata minn Sarah bit-tema “Dawl fis-Skiet”, iddedikata għan-nies li matul il-Milied isibu ruħhom waħedhom jew jiffaċċjaw żminijiet diffiċli, opportunità sabiex jitwassal messaġġ ta’ solidarjetà.

Fil-11 ta’ Diċembru, se ssiru attivitajiet kemm ġewwa u kif ukoll barra d-Dar Ċentrali, kollha mmexxija minn talenti lokali, filwaqt li fit-12 ta’ Diċembru, se ssir l-ikla kbira tal-Milied.

Fit-13 ta’ Diċembru filgħodu, se jsir party speċjali għat-tfal kollha b’animazzjoni, face painting u zjara minn santa Klaus, filwaqt li filgħaxija ser ssir “60s Christmas Night”, serata retro b’divertiment li ma jonqosx

Il-Ħadd 14 ta’ Diċembru se ikun iddedikat għall-maratona ġbir ta’ fondi, bl-involviment ta’ għadd kbir ta’ voluntiera. Il-maratona se tinfirex barra d-Dar Ċentrali u fis-sulari kollha, b’attività kontinwa f’kull rokna.

Il-Qofol ser jintlahaq nhar it-Tnejn 15 ta’ Dicembru fil-mitt jum tal-Kap Alex Bog b’attivita tal-massa li ser isir filghaxija quddiem id-Dar Centrali.

Waqt il-Programm Net Live, is-segretarju organizzativ amministrattiv tal-PN Stefan Caruana, enfasizza li l-għan ta’ “Milied Miegħek” hu li jissaħħaħ l-ispirtu tal-Milied, joħloq sens ta’ komunità u joffri ħin ta’ ferħ u divertiment għal kulħadd.

Dan filwaqt li enfasizza l-isforz ta’ tim responsabbli, li ilu jaħdem b’dedikazzjoni u determinazzjoni biex jagħmel din l-esperjenza possibbli xhur sħaħ.