Lokali Opinjoni

Opinjoni: IL-KARIKATURA TAL-MUMENT

Il-karikatura li waslitna sar-riżultati tal-Elezzjoni tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali

James Aaron Ellul

F’dawn il-jiem inħareġ proġett li twieled fl-2023, mal-karikaturi li bdew jinħarġu fuq din il-gazzetta proprju fis-27 ta’ Lulju 2023. Is-sajf ta’ dik is-sena kien jidher li mhux se jkun wieħed kwiet għalina li naħdmu fil-politika, hekk kif bosta fis-sajf ifittxu li jistrieħu ftit, dak tagħna kien wieħed movimentat… fis-sħana u d-dlam. 

L-irwol ta’ Direttur Komunikazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, huwa irwol, jew perjodu, li meta nħares lura ngħid li għamilna ħafna għeġubijiet bil-ftit risorżi li kellna disponibbli għalina. Fis-silenzju u bla daqq ta’ trombi sar tisħiħ ta’ pedament li kien jeħtieġ manutenzjoni mhux ħażin. Il-karikatura kienet waħda mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ridt li ninvestu fihom, apparti wkoll li nsaħħu l-preżenza tagħna fil-midja soċjali, fix-xandir tradizzjonali, u fuq kull mezz possibbli ta’ kif il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, il-messaġġ tas-sewwa, jista’ jitwassal aħjar.

Is-satira hija xi ħaġa, terminu, li dejjem ħabbejt. Hija fil-karattru tiegħi, sal-punt li marti, il-ġenituri u dawk għeżież dejjem jindikaw li jien ftit nebiexi, imma s-satira missejt bi provondità u b’aktar dettall fl-Università fl-istudju tal-Malti. Oliver Friggieri jikteb li s-satira hija espressjoni letterarja li ddaħħak, jew tikkritika l-qerq u l-bluha, miktuba biex tagħti divertiment u biex teduka. F’dan il-każ, flimkien mal-Briemeġ, Mark Schembri, l-artist fil-karattru u fit-tpinġija, ‘naħseb’, wettaqna dan. Il-kitba tiegħi ġiet wara u ħloqna dan il-ktieb.

INFORMA fil-pubblikazzjoni

Dan il-ktieb, huwa ktieb li permezz tiegħu se nkunu qed inwelldu binarju fil-ħafna funzjonijiet li taqdi INFORMA. Ċentru li tlabt li nkun responsabbli tiegħu sena ilu, wara li temmejt terminu ta’ sena u nofs immexxi l-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. INFORMA hija għal qalbi mhux issa biss, hekk kif jien ninsab Direttur tagħha, imma huwa ċentru li konvint li jista’ jaqdi aktar lill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll lin-nazzjon kollu. Issa llum f’INFORMA, dan il-ktieb, fetaħ triq ġdida, li INFORMA issir dar ta’ pubblikazzjonijiet. F’sena irnexxielna nirranġaw l-istat ta’ dan iċ-Ċentru u minkejja li jonqos ħafna aktar tragwardi, resqin lejn l-oġġettivi li rridu nilħqu fil-futur qarib.

X’jikkonsisti?

Il-ktieb il-ġdid ta’ INFORMA, jikkonsisti 24 karikatura li ħarġu minn Lulju 2023, sa Ġunju 2024. Perjodu li wassalna sal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Perjodu fejn rajna għadd ta’ skandli mill-Gvern Laburista, u ħidma sfieqa mill-Partit Nazzjonalista. Fil-paġna ta’ wara tal-ktieb, ktibt hekk: “Spazju fejn l-assurdità ssir poeżija, fejn il-kritika ssir kulur… Dawk li jidħlu f’dawn il-paġni jsibu dinja li hi fl-istess ħin familjari, imma wkoll aljena: ġmiel imċajpar, serjetà miksura b’dettalji żgħar”. Ma’ kull karikatura li hemm stampata hemm deskrizzjoni ta’ x’wassal għal dik il-karikatura. Il-ħsieb, ir-riflessjoni ta’ dak il-mument li għexna, jew, li għadna qed ngħixu. Dak l-iskandlu li għadda, u min għandu r-raġunijiet tiegħu, irid inessi, u dawk l-iskandli li kibru tant minn dik il-kakiratura li kienet stampata xi darba fuq il-mument. Ħadt ħsieb li nindika u nispjega anki xi imaġni li qed naraw fil-karikatura, u għaliex saru.

San Klaċċubrejk

Fil-karikaturi rajna metafori u qwiel jieħdu l-ħajja, u l-istess ukoll inħolqu karattri fitizji li għenu fit-twassil tal-messaġġ. Wieħed għal qalbi huwa San Klaċċubrejk, il-qaddis protettur ta’ dawk li jkunu mwaħħla fit-traffiku. Permezz ta’ dawn il-karattri u simboli, inħolqu l-karikatturi b’messaġġ li wieħed jista’ jifhem, u anki meta wieħed jarahom, jitbissem u b’tama li anki r-roti tal-moħħ imorru fid-direzzjoni, il-gwida, il-ħsieb li qed nippruvaw inwasslu.

Bħal dan il-karattru, hemm oħrajn li jinsabu fil-ktieb.

Inħarsu fil-mera

Ma tistax tuża s-satira u ma tistenniex li ma tkunx kritikat. Dik hija d-demokrazija li welled il-Partit Nazzjonalista, il-libetà tal-espressjoni li missirijieti ħadmu għaliha. Ħadt ħsieb li lil dawk li qed jaqraw dan il-ktieb, ma jaħsbux li qed nagħmel dan il-proġett minn xi siġġu għoli tant… anzi nazzarda ngħid li s-siġġu tiegħi huwa l-iżgħar u l-iċken. Se nikkwota lili nnifsi mill-ġdid; “Aħna m’aħniex titolari awtomatiċi tal-Gvern. Aħna rridu nikkonvinċu lill-poplu li aħna kapaċi mmexxu lill-pajjiż b’onestà, b’viżjoni u b’serjetà. Biex dan iseħħ, il-messaġġ tagħna jeħtieġ jasal – mhux biss fl-argument, imma fil-qalb tan-nies”.

Dan l-artiklu deher f’il-mument tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru, 2025.