Lokali

Penthouse iżgħar, fl-istess blokka…telqet bi prezz ferm akbar

Il-poplu Malti u Għawdxi sebaħ b’wiċċ il-Ministru Roderick Galdes imċappas mal-faċċati tal-gazzetti lokali hekk kif hu jibqa’ fiċ-ċentru tal-iskandlu li ħakem lill-Partit Laburista fl-aħħar jiem.

Fl-aħħar sigħat, komplew jiġu żvelati aktar dettalji b’rabta ma’ dan l-iskandlu, hekk kif issa, t-Times of Malta ikkonfermat li d-duplex penthouse ta’ Galdes ġiet tiswa 24% inqas minn penthouse li hi iżgħar, u li tinsab fl-istess blokka f’Ħal Gelmus f’Għawdex.

Konvenju li sar fl-2022, juri li l-iżviluppaturi ftehmu li jbigħu penthouse ta’ kamra tas-sodda waħda u li hija iżgħar minn dik ta’ Galdes…u mingħajr garaxx… għall-prezz ta’ €185,000. Dan filwaqt li Galdes, akkwista duplex penthouse bl-arja, u anke garaxx għall-prezz ta’ €140,000.

Id-dokument li wasal għand it-Times of Malta juri illi, l-penthouse li hi iżgħar kienet tiswa €167,000. Dan apparti €18,000 oħra li huma ħlas għall-komun. Dawn jammontaw għal €185,000.

Il-penthouse ż-żgħira, hija ta’ 75 metru kwadru, b’58 metru kwadru intern, u 17-il metru kwadru ta’ spazju fuq barra. Dan ma jinkludix garaxx.

Għall-kuntrarju, l-penthouse ta’ Galdes hija ta’ 86 metru kwadru, cioè 10 metri kwadri akbar mill-oħra, u li tinkludi l-arja, flimkien ma’ garaxx.

Dwar din l-aħbar, il-gazzetta ILLUM, spjegat li Galdes spiċċa iżolat. U minkejja dan, mhux qed juri li se jkun qed jirriżenja. Bl-editorjal jispjega illi dan l-aħħar skandlu jikxef problema akbar – speċjalment meta l-akkuża bdiet mill-eks MEP Laburista Marlene Mizzi.

F’artiklu li jġib titlu ‘Galdes akkużat li kien qed idur u jilgħaq il-kuntratturi’, il-ġurnal ILLUM spjega illi fl-aħħar snin, Galdes telqulu ħafna nies, b’numru ta’ rivali tiegħu mill-partit tiegħu stess ma juru l-ebda simpatija miegħu għal dan l-aħħar skandlu tal-penthouse f’Għawdex. Iżda minkejja li spiċċa iżolat minn sħabu, hu insista li mhux se jkun qed iwarrab fuq penthouse.

Il-gazzetta Malta Today ukoll tkellmet dwar il-fatt li l-aħħar skandlu li fih Galdes huwa l-preċimes, dejjaq ferm lill-kollegi tiegħu. B’numru ta’ membri parlamentari Laburista, jistqarru mal-gazzetta illi l-ebda kostitwent ma emmen il-prezz li ħallas Galdes għal duplex penthouse. Dan filwaqt li deputat Laburista partikolari semma’ li huwa fatt skomdu li l-Ministru responsabbli mill-Housing f’pajjiżna irnexxielu jaqbeż is-suq u jakkwista propjetà bħal dik għal dak il-prezz.

Intant, l-editorjal ta’ din l-istess gazzetta ddikjara li Galdes ma fadallux triq oħra għajr li jirreżenja. Għaliex din is-saga mhix tirrifletti biss kunflitt ta’ interess, imma anke ta’ ġudizzju ħażin; u li jagħmel lil Galdes “unfit for purpose”, skont l-editorjal. U jekk dan ma jsirx, ir-responsabbiltà li jitneħħa taqa’ fuq il-Prim Ministru Robert Abela.