Il-wirja annwali “The Biggest Little Motor Show” irritornat fiċ-Ċentru Pastorali Qalb ta’ Ġesù fil-Qrendi, fejn id-Die Cast & Scale Model Society qed toffri attrazzjoni unika fid-dinja tal-minjaturi.
L-avveniment, li fetaħ il-bibien tiegħu nhar il-5 ta’ Diċembru u se jkompli sat-tmienja ta’ Diċembru, qed jiġbed għadd kbir ta’ viżitaturi ta’ kull età.
Fil-post bħalissa qegħdin jintwerew aktar minn 50 kollezzjoni minn membri differenti tal-Għaqda, li jvarjaw minn minjaturi ta’ karozzi sportivi u klassiċi għal mezzi militari, vetturi tal-kostruzzjoni u oħrajn tat-trasport.

Id-dijorami dettaljati li hemm esebiti qed jiġbdu l-attenzjoni tal-viżitaturi, b’xeni realistici li jagħtu ħajja lill-mudelli. Izda wieħed mill-aktar punti ta’ interess jibqa’ l-mudell uniku taċ-ċirku, sinonimu mal-Għaqda u mal-wirt tagħha, kif spjegalna il-President tal-Ghaqda Alan Saliba.
Membru ieħor mill-għaqda Gino Borg qalilna li attrazzjoni oħra li bħalissa qed tattira ħafna kummenti pożittivi hija l-esebizzjoni ta’ mudelli ta’ karozzi klassiċi Maltin, kollha maħduma bl-idejn minn materjal riċiklat; fosthom mudelli tal-karozzi tal-linja li jġibu magħhom nostalġija għal ħafna.

Il-wirja tinkludi kollezzjonijiet ta’ roti, inġenji tal-agrikoltura, muscle cars Amerikani, vetturi tal-pulizija minn diversi pajjiżi, karozzi tal-Formula 1 u numru sabiħ ta’ mudelli tal-avjazzjoni.
Wara nuqqas ta’ diversi snin, reġgħet qed tattira l-attenzjoni x-xena mekkanizzata tal-ferrovija, kompluta b’pajsaġġ u moviment li qed jigbed l-interess kemm tat-tfal u kif ukoll tal-adulti.

Id-dħul għal din il-wirja huwa bla ħlas.
//= $special ?>

