Internazzjonali

Traġedja oħra bl-immigranti lil hinn minn Kreta

Fl-aħħar sigħat ikkonkludiet it-tfittxija għall-immigranti li d-dgħajsa tagħhom għerqet, matul il-lejl tas-Sibt, waqt vjaġġ lejn l-Ewropa. It-traġedja seħħet ftit ‘il hinn minn Lerapetra, fil-gżira ta’ Kreta u fejn mifhum li mietu 18, bi tnejn biss jittellgħu ħajjin mill-baħar.

Qed jingħad, għalissa,li d-dgħajsa inkwistjoni nqalbet f’ċirkustanzi mhux magħrufa. Dan ukoll meta l-ewwel SOS ingħata minn vapur tal-merkanzija reġistrat it-Turkija u li l-ekwipaġġ tiegħu lemħu lid-dgħajsa waqt li kienet nofsha-mgħarrqa.

Fit-tfittxija għall-immigranti ħadu sehem, fost oħrajn, il-bastimenti tal-Gwardjani tal-Kosta Griegi, flimkien ma’ vapur u ajruplan tal-Frontex. Maż-żmien  kien deċiż li fadalx ħajjin u wara li t-18-il katavru kienu rkuprati kollha mill-baħar. L-uffiċjali, imbagħad, iddikjaraw il-ħidma ta’ search and rescue bħala uffiċjalment konkluż.

Dejjem aktar immigranti li qegħdin jaħarbu mill-konflitti fir-reġjuni tal-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja  qed jivvjaġġaw bil-baħar lejn il-Greċja li hi meqjusa fost ‘l-aktar aċċessi faċli għall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea’…. U l-inċidenti fatali waqt dawn il-vjaġġi baqgħu ma naqsux, mill-bidu  tas-sena ‘il hawn.