Għada fil-Parlament se tiġi diskussa mozzjoni biex jiġi emendat l-Avviż Legali numru 150, li jitratta tfassil tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-art Agrikola. Din il-Mozzjoni tressqet mix-Shadow Minister Toni Bezzina .
Dan l-Avviż Legali se jwassal biex art agrikola tkun tista’ tittieħed mill-Gvern jekk din ma tkun qed tiġi reġistrata, jew jekk ma tkunx tintuża għal perjodu ta’ żmien. Din se jkollha impatt fuq dawk li jużaw art agrikola u mhumiex bdiewa, bħal kaċċaturi u dawk li jaħdmu l-logħb tan-nar.
Fil-fatt l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti – l-FKNK, fi stqarrija saħqu li huma l-ewwel u l-aqwa diffensuri tal-art rurali u fost l-akbar numru ta’ sidien u utenti tal-art rurali fil-Gżejjer Maltin. Huma saħqu li l-FKNK ma tistax ma tesprimix id-diżappunt agħha għan-nuqqas assolut ta’ konsultazzjoni magħha mill-Ministeru tal-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fit-tfassil tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-art Agrikola.
L-FKNK, kienet sostniet li dan ir-regolamenti se jinponu obbligi fuq id-dritt liberu ta’ pusses ta’ sidien ta’ art rurali, u li se jaffetwaw ħażin, x’akatarx ukoll finanzjarjament mhxu biss lis-sidien kaċċaturi u nassaba iżda wkoll lill-eluf kbar oħra ta’ familji Maltin li investew, speċjalment minn meta faqqet l-epidemija tal-Coronavirus. Fuq kollox l-FKNK, saħqet li dawn ir-regolamenti fil-fehma tagħhom huma azzjoni għal kollox anti-demokratika u kważi dittatorjali. Dan għaliex il-propjetà privata hija sagrosanta taħt il-liġi.
Fl-1 ta’ Awwissu l-FKNK kienet ħabret li iltaqgħet mal-Ministru tal-Agrikoltura s-Sajd u d-Drittijiet tal -Annimali akkompanjat mis-Segretarju Permanenti, d-Direttur u uffiċjali oħra fi ħdan il-Ministeru.
Dwar dan l-Avviż Legali tkellmet ukoll il-Kamra tal-Avukati, fejn spjegat li r-Regolamenti, li għandhom konsegwenzi sinifikanti fuq id-drittijiet tas-sidien tal-art, ġew introdotti permezz ta’ Avviż Legali u mhux permezz ta’ Att tal-Parlament. Saħqet li għandhom jiġu enfasizzati l-prinċipji demokratiċi bażiċi ta’ proċess dovut u ġustizzja.
Minn naħa tagħha l-Kamra Notarili osservat bi tħassib serju l-adozzjoni riċenti tal-Avviż Legali 150 tal-2025, bl-isem Regolamenti għall-Protezzjoni tal-Art Agrikola, li għalkemm l-għan li tiġi salvagwardjata l-art agrikola ta’ Malta u li jiġi żgurat l-użu sostenibbli tagħha huwa wieħed mifhum, il-miżuri introdotti permezz ta’ dawn ir-Regolamenti jaffettwaw b’mod serju d-dritt kostituzzjonali li jgawdi l-proprjetà privata.
//= $special ?>

