Il-Gwerra fl-Ukrajna:
L-aħħar pjan għall-paċi fl-Ukrajna qed ikun diskuss fid-dettall f’Londra, fejn il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, bħalissa, għaddej bit-taħditiet sinifikanti mal-Mexxejja tal-Istati Ewropej ewlenin li qegħdin jappoġġjawh fil-gwerra mar-Russja.
Dan ir-rawnd ta’ taħditiet qed isir fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer f’Downing Street u fejn hemm ukoll preżenti l-President Franċiż, Emmanuel Macron u l-Kanċillier tal-Ġermanja Friedrich Merz.
Ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja huma l-protagonisti f’koalizzjoni – magħrufa bħala Coalition of the Willing – li qed issostni lill-Ukrajna f’dan iż-żmien diffiċli. L-istess pajjiżi qegħdin ukoll janalizzaw kif jistgħu jżidu l-appoġġ lill-Ukrajna, speċjalment bl-armamenti moderni li jgħinu biex l-Ukreni jkomplu jirreżistu l-invażjoni ta’ arthom mill-qawwiet tar-Russja.
Dawn il-potenzi Ewropej anki qegħdin jevalwaw ir-riżultati tal-aħħar impenji diplomatiċi –b’mod partikulari dak li ħareġ mit-taħditiet ta’ jiem ilu, fi Florida, bejn delegazzjoni ta’ uffiċjali Ukreni u r-Rappreżentanti tal-Gvern tal-Istati Uniti.
Sadanittant, qed jidher li żdiedu wkoll id-differenzi bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti rigward l-aħjar strateġiji li jwasslu lejn soluzzjoni għall-gwerra tal-Ukrajna u li tissodisfa lin-naħat kollha.
U waqt li l-proċess qed jirranka, ir-Russja anki qed iżżid l-attakki fuq l-ibliet tal-Ukrajna, b’numru ta’ nies, fl-aħħar sigħat, jisfaw midruba waqt l-aħħar bumbardament mill-qawwiet tal-Kremlin fuq il-belt Ukrena ta’ Zaporizhzhia.
Fl-istess ħin, il-President Amerikan, Donald Trump, qed jgħid li Volodymyr Zelensky mhux lest biex jiffirma l-proposta għall-paċi mressqa mill-Istati Uniti. Dan meta Trump, mill-ġdid, qed jikkritika lill-Mexxej Ukren, li, min-naħa tiegħu, mhux lest li jaċċetta ftehim ‘li sempliċiment jippremja l-artijiet tal-Ukrajna lil Vladimir Putin’.
Donald Trump qal li jħossu diżappuntat li Zelensky ma qarax il-proposta tal-Amerikani għat-tmiem tal-gwerra u meta, skont hu, ir-Russi huma favur ċerti aspetti tal-pjan.
Madankollu, il-President Russu, Putin, baqa’ ma esprimiex pubblikament l-approvazzjoni konkreta tiegħu għall-pjan ta’ Trump. Fil-fatt, hu tenna li xi partijiet tal-pjan ‘ma jistgħux jaħdmu’, minkejja li l-abbozz oriġinali jiffavorixxi bil-kbir lill-interessi ta’ Moska.
//= $special ?>

