Internazzjonali

In-Niġerja: Tfal Kattoliċi meħlusa wara jiem ta’ tensjoni

In-Niġerja:

L-aħħar rapporti miċ-ċentru tan-Niġerja qalu li nħelsu madwar 100 tifel u tifla li, ix-xahar li għadda, kienu nħatfu minn skola tal-Kattoliċi.

It-tfal kienu spiċċaw f’idejn grupp ta’ irġiel armati u l-awtoritajiet fl-Istat ta’ Niġer, flimkien mal-kapijiet tal-komunità tal-Kattoliċi lokali, fl-aħħar sigħat,  ikkonfermaw li t-tfal jinsabu qawwijin u sħaħ wara jiem ta’ tensjoni kbira.

‘Il fuq minn 250 student u 12-il membru tal-istaff  tal-iskola kienu spiċċaw l-ostaġġi tal-grupp armat wara li l-aggressuri daħlu bil-forza fl-Iskola Kattolika dedikata lil Santa Marija fl-inħawi ta’ Papiri.

Dan meta fin-Niġerja qed jinħatfu ta’ spiss it-tfal tal-iskola Kattoliċi li, fil-parti kbira, qed ikunu mira għall-militanti Iżlamiċi fanatiċi,  fosthom il-grupp Boko Haram li ilu s-snin jirreżisti kull influwenza u forom ta’ tagħlim, stil  tal-Punent, għar-residenti fid-diversi provinċji tal-pajjiż.