“Il-lokalità ta’ Ħaż Żabbar jixirqilha żvilupp sostenibbli u li verament iħares l-interessi tar-residenti iżda fl-istess ħin jirrispetta l-valur storiku ta’ din il-pjazza.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt protesta li saret it-Tnejn filgħodu f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi f’Ħaż-Żabbar, dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat bini ta’ ħames sulari u li għandha topera bħala Dar tal-Anzjani – proġett li opponewh bil-qawwa kollha.




Infatti matul din il-protesta ġie spjegat li din il-binja se tkun itwal mill-kumplament tal-bini eżistenti dan filwaqt li se tħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Intqal ukoll li din il-binja se tkun twila madwar 17-il metru bil-bini fil-madwar huwa twil sa madwar 14-il metru biss.
Din mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żabbar oppona żvilupp f’din iz-zona hekk kif kien hemm applikazzjoni għal blokka t’appartamenti bil-garanzija li tinżamm il-faċċata tal-binja li hemm bħalissa. Kien hawnhekk fejn ġie spjegat li l-permess tad-Dar tal-Anzjani ma jinkludix din l-istess garanzija.
Apparti minn hekk, intqal ukoll kif iz-zona mhix adegwata għal proġett bħal dan hekk kif din hija zona ferm traffikuża kif ukoll diġa’ hemm problema kbira ta’ parkeġġ.
Għaldaqstant, Net News tkellem ma’ numru ta’ residenti preżenti li lkoll esprimew il-frustrazzjoni tagħhom li proġett bħal dan huwa inaċċettabbli f’zona tant storika.



Intant, tkellimna wkoll ma’ koppja illi jgħixu biswit il-binja u esprimew tħassib li dan il-proġett jista’ jagħmel ħsara fir-residenza tagħhom bil-koppja pruvat tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet iżda s’issa għadhom bla risposta.
//= $special ?>
