Internazzjonali

Is-Sirja: Jiċċelebraw l-ewwel sena mingħajr l-eks- dittatur Assad

Il-poplu fis-Sirja, flimkien mal-eluf tas-Sirjani madwar id-dinja, illum qed jiċċelebraw l-ewwel anniversarju mindu l-eks-dittatur Bashar al-Assad tkeċċa mill-poter

L-era ta’ Assad, fil-fatt, intemmet ħesrem u fi żmien meta l-gruppi tar-ribelli ta’ kontra r-reġim, sena ilu, kienu qed javvanzaw fuq il-qalba ta’ Damasku.

Fil-preżent, qed isiru diversi avvenimenti ta’ ċelebrazzjoni fis-Sirja u ‘il hinn minnha, bil-folol kbar, fl-aħħar sigħat, jattendu għal parata militari f’Damasku, fejn il-Mexxej Sirjan attwali, Ahmed al-Sharaa, għamel diskors simboliku għall-okkażjoni.

Iżda għalkemm is-Sirjani ħelsu mill-brutalità u l-oppressjoni tar-reġim ta’ Assad, pajjiżhom xorta waħda qed jiffaċċja l-isfidi kbar …Sitwazzjoni fejn is-Sirjani jeħtieġu jibnu pajjiżhom mill-ġdid wara snin twal ta’ konflitt ċivili.

Bashar al-Assad kien ħarab lejn ir-Russja, alleata antika tiegħu, ladarba ra li r-rewwixta kontrih kienet qed tilħaq l-għanijiet tagħha.

L-istess rewwixta storika, intant, kienet ġabet fi tmiemha, darba għal dejjem, il-kontroll dittatorjali tal-Familja Assad li dam għal snin twal fis-Sirja …Dan ukoll meta, fil-preżent, Bashar al-Assad għadu qed jgħix f’lokalità sigrieta fir-Russja.