Lokali

It-Tour Ġustizzja għal Artna jżur il-Mellieħa fit-tieni waqfa tiegħu

Il-Ħadd filgħodu Gustizzja għal Artna kien l-pjazza tal-Melieħa għat-tieni waqfa tat-Tour Ġustizzja għal Artna. Flimkien mar-residenti tal-Mellieħa, spjegaw għaliex il-liġijiet proposti fl-ippjanar se jagħmlu ħsara kbira lil pajjiżna, filwaqt li qassamna ċ-ċumnata u l-“pudina fl-ippjanar”.

Il-lokalità tal-Mellieħa diġà ġarrbet inġustizzji qawwija minn awtoritajiet tal-artijiet u tal-ippjanar li ddeċidew fl-interess tal-iżviluppaturi, minflok tal-ġid komuni, bħall-każ oxxen tal-Mellieħa Heights.

Matul dawn l-aħħar ġimgħatejn, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat ukoll żewġ binjiet ta’ ħames sulari, ftit passi ’l bogħod mill-knejjes tal- Pietà u Ħaż-Żabbar; żiedet 13-il sular ieħor fuq il-mostru tad-DB f’Pembroke; u approvat torri ta’ 13-il sular ta’ Joseph Portelli ħdejn il-bajja tax-Xlendi.

Jekk qatt jiġu approvati l-liġijiet proposti fl-ippjanar, din l-hekk imsejħa awtorità “tal-ippjanar” se tingħata setgħat dittatorjali. Barra minn dan, l-abbiltà tal-kunsilli, l-għaqdiet u ċ-ċittadini li jappellaw effettivament id-deċiżjonijiet tagħha se tiġi severament imxekkla.

It-Tour Ġustizzja għal Artna se jieqaf għal ftit żmien matul il-vaganzi tal-Milied, biex imbagħad ikompli f’Jannar biż-żjarat tiegħu fl-ibliet u l-irħula madwar Malta u Għawdex.

Flimkien, inwaqqfuhom.