Fadal biss 17-il jum għall-festa tal-Milied. U l-ispirtu ta’ dan iż-żmien tas-sena, issa qed jinħass sew – b’tiżjin mill-isbaħ, Villaġġi tal-Milied, ħelu tradizzjonali u l-mużika assoċjata ma’ dan iż-żmien festiv.
Il-perijodu tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena iġib miegħu bosta preparamenti u xiri ta’ rigali għall-qraba u l-ħbieb. Dan apparti li ħafna ikunu qed jippreparaw għall-ikliet u l-festini sinonimi ma’ dan iż-żmien.
Fil-Belt Valletta, b’mod partikolari, qed tiddomina atmosfera mill-isbaħ f’dawn il-ġranet – bit-tiżjin u l-mużika li iddaħħlek aktar fl-ispirtu tal-Milied. U t-temp, f’Jum il-Kunċizzjoni, għen aktar sabiex il-familji joħorġu u jgawdu din il-ġurnata ta’ festa.


Meta żorna it-toroq tal-kapitali, staqsejna lin-nies jekk irnexxielhomx jagħmlu x-xiri kollu tal-Milied…hekk kif jidher li ħafna qed iħallu sal-aħħar. Iżda hemm min ilu li ħaseb sew għar-rigali.
In-nies jidhru li qed igawdu t-temp sabiħ li kellna f’dawn il-jumejn u qed jieħdu l-opportunita biex joħorġu jagħmlu x-xiri tagħhom. Dan hekk kif it-temperaturi huma relattivament għoljin għax-xahar tal-Milied – u fil-jiem li ġejjin se jibqgħu imissu t-18-il grad Celcius.
Apparti minn hekk, jidher li se jkollna nistennew ftit ieħor biex nesperjenzaw ftit xita. U temperaturi aktar kesħin. Għalkemm dan mhu jnaqqas xejn mill-ispirtu ta’ festi, assoċjat ma’ Diċembru.
//= $special ?>

