It-Tajlandja u l-Kambodja jinsabu għaddejjin bl-akbar konfrontazzjoni militari mindu qablu, f’Lulju, għal waqfien mill-ġlied wara sensiela ta’ battalji fl-inħawi viċin il-fruntiera komuni.
L-inkwiet, intant, reġa’ żbroffa, bir-residenti fuq in-naħat opposti tal-fruntiera qed jevakwaw bl-eluf tagħhom fost il-battalji ġodda li ħallew numru ta’ mejtin u feruti.
It-Tmexxija tat-Tajlandja u l-Kambodja qed jakkużaw lil xulxin bħala l-kaġun tal-vjolenza. Il-Prim Ministru Tajlandiż, Anutin Charnvirakul, qal, sadanittant, li pajjiżu qatt ma ried il-vjolenza u li l-Gvern tiegħu se juża kull mezz possibbli biex jippreserva s-sovranità ta’ pajjiżu.
Min-naħa tiegħu, l-eks Mexxej tal-Kambodja, Hun Sen, akkuża lill-militar Tajlandiż b’li provoka l-aħħar inċidenti inkwetanti mal-fruntiera.
It-tensjonijiet bejn it-Tajlandja kienu ilhom jeskalaw minn Mejju u bir-riżultat li tilfu ħajjithom l-għexieren tan-nies. Dan ukoll meta l-pajjiżi imponew restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar minn art għall-oħra, fost il-projbizzjoni għall-importazzjoni konġunta tal-prodotti.
Il-ġlied, fil-preżent, qed ikompli, bit-truppi Tajlandiżi jwieġbu għall-isparar tal-Kambodjani fuq il-provinċja ta’ Ubon Ratchathani, fit-Tajlandja.
Kien hemm ukoll l-attakki mill-ajru fuq l-inħawi speċifiċi mal-fruntiera, waqt li l-Ministeru tad-Difiża Kambodjan fi Phon Penh sostna li l-qawwiet Tajlandiżi, qabel, kienu konċentraw sensiela ta’ attakki fuq il-provinċja ta’ Preah Vihear, man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
//= $special ?>

