Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg fetaħ uffiċjalment , l-attivitajiet tal-festi tal-Milied li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista għal din is-sena, bit-tema “Milied Miegħek”.
Dan il-villaġġ tal-Milied se jkun mifrux fuq sebat ijiem u li matulhom wieħed jista’ jsib attivitajiet u attrazzjonijiet għall-gosti ta’ kulħadd.
Sal-15 ta’ Diċembru, dan il-villaġġ se jinkludi spettakli bis-sehem ta’ diversi kantanti u bands, wirja tal-presepji u żona għat-tfal, fosthom bil-preżenza ta’ Father Christmas.
Matul dan l-avveniment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu li xegħel uffiċjalment id-dwal tal-Milied mal-faċċata tad-Dar Ċentrali.
Intant, Għada, fis-7:00 ta’ filgħaxija, il-Kap tal-PN Alex Borg u Sarah se jippresiedu l-attività “Dawl fis-Skiet”, organizzata minn Sarah – bl-għan li titqajjem kuxjenza dwar is-solitudni fi żmien il-festi tal-Milied.
Milied Miegħek jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd u t-Tnejn li ġejjin. Il-Ħadd se ssir Maratona Ġbir ta’ Fondi bejn 12pm u l-11pm fuq NET Television u NET FM, bid-divertiment jibqa’ għaddej ukoll ġewwa u barra d-Dar Ċentrali.
It-Tnejn 15 ta’ Diċembru, imbagħad, jaħbat il-100 jum tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u dan se jiġi ċċelebrat b’attività tal-massa quddiem id-Dar Ċentrali li se tkun indirizzata minn Alex Borg, u li tibda fis-6pm.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ Milied Miegħek, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, numru ta’ deputati kif ukoll kandidati.
//= $special ?>

