Raġel ta’ 31 sena, għalliem residenti l-Mosta, tressaq il-Qorti akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil persuna oħra waqt argument f’bar f’Ħaż-Żebbuġ. Steven Schembri ġie mixli wkoll bi ksur tal-paċi pubblika. Il-każ imur lura għall-8 ta’ Novembru, iżda rapport lill-pulizija sar ġimgħa wara, fit-14 ta’ Novembru, meta l-vittma mar għand il-Pulizija fl-Għassa tas-Siġġiewi u spjega li ġie aggredit ġo bar mingħajr ma inizjalment kien jaf min attakkah.
Huwa qal li nies li kienu preżenti fil-bar identifikaw lill-aggressur u tawh l-informazzjoni. Il-vittma ppreżenta wkoll ċertifikat mediku li jikkonferma li sofra ġrieħi gravi. Mistoqsi għaliex ma għamilx rapport mill-ewwel, huwa spjega li beża’ joħroġ mid-dar minħabba li kien qed isofri viżjoni mċajpra wara l-aggresjoni.
Wara li sar ir-rapport, il-pulizija bdiet l-investigazzjonijiet. L-uffiċjal investigattiv qal li tkellem personalment mal-vittma u analizza filmati tas-CCTV miġbura miż-żona. Minn dawn il-filmati, l-aggressur ġie identifikat bħala l-imputat. Il-Qorti rrikonoxxiet li l-arrest tiegħu kien wieħed regolari. Schembri wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi tas-serjetà tal-akkużi u biża’ li jista’ jikkontamina l-evidenza. Id-difiża wieġbet li l-inċident seħħ aktar minn xahar ilu u li għalkemm kien inħareġ mandat ta’ arrest fit-14 ta’ Novembru, l-imputat inqabad biss ilbieraħ.
Jekk tassew kien hemm riskju li jittebba’ l-evidenza, il-prosekuzzjoni “kellha biżżejjed ħin biex taġixxi.” Id-difiża saħqet wkoll li l-vittma ma jafx lill-akkużat u li l-partijiet huma kompletament barranin għal xulxin, u għalhekk ma jistax ikun hemm kuntatt jew pressjoni fuq ix-xhieda.
Barra minn hekk, il-pulizija għandha filmati ċari tal-inċident li juru l-ġlieda minn angolu tajjeb, u għalhekk—skont id-difiża—ma teżisti l-ebda riskju ta’ manipulazzjoni ta’ prova viżiva. Ġie nnutat ukoll li meta l-pulizija marret fuq il-post il-ġurnata stess tal-inċident, ma ħadet l-ebda azzjoni immedjata.
Il-Qorti saret taf ukoll li l-imputat għandu impjieg stabbli, għandu wild u li jaqsam il-kustodja m’oħt it-tarbija, ġej minn familja ta’ sostenn u jinsab fit-tieni sena fl-istudji ta’ Masters. Schembri jagħti wkoll lezzjonijiet part-time u jilgħab football fl-Ewwel Diviżjoni.
Huwa għandu kondotta kriminali nadifa, filwaqt li missieru offra ruħu bħala terza persuna li tiggarantixxi għall-kondotta tiegħu u li jinforma lill-pulizija minnufih jekk jinqala’ xi problema. Il-prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat qatt ma kellu problemi mal-liġi fil-passat.
Fil-kummenti tiegħu, il-Maġistrat Kevan Azzopardi qal li għalkemm l-inċident seta’ kien episodju iżolat, dan ma jnaqqasx mis-serjetà tiegħu. Qal li kull persuna trid tħallas il-konsegwenzi tal-għemil tagħha, anke jekk seħħ darba biss, u fakkar lill-imputat fir-responsabbiltà li għandu bħala għalliem u bħala missier.
Il-Qorti eventwalment laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinħeles fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000. Ġie impost curfew bejn l-10pm u s-6am, flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-ispettur James Mallia u l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miryea Mifsud mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.
//= $special ?>

