Kultura Kummerċ Lokali

Arti kontemporanja u l-istorja jitwaħħdu fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Il-Fondzzjoni BOV tappoġġja ‘Moving with the Wind, Like Waves’

Il-Bank of Valletta nieda b’suċċess ‘Moving with the Wind, Like Waves’, proġett ta’ arti kontemporanja fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. Il-wirja qed tiġbed attenzjoni qawwija minn viżitaturi, artisti u dawk kollha interessati fil-kultura. 

Żviluppat u kkurat minn Elyse Tonna, u kkummissjonat mill-Fondazzjoni BOV, dan il-proġett tal-arti jiżvolġi f’wirja fuq skala kbira, programm pubbliku, u pubblikazzjoni li mistennija titnieda fiż-żmien li ġej, u jittrasforma l-Palazz tal-Inkwiżitur f’sit artistiku ħaj. Magħżula permezz ta’ sejħa miftuħa kompetittiva ħafna, id-disa’ artisti parteċipanti, Victor Agius, Laura Besançon, Ryan Falzon, Wioletta Kulewska Akyel, Julian Micallef, Jacob Saliba, Sheldon Saliba, Matthew Schembri u Tom Van Malderen, ħadmu mill-qrib ma’ Elyse Tonna u bl-appoġġ tat-tim kuratorjali ta’ dan is-sit ta’ Heritage Malta.

Permezz tax-xogħlijiet tagħhom li jinkludu installazzjoni, ħoss, skultura, film, tpinġija u pittura, l-artisti jindirizzaw kunċetti ta’ memorja, ġesti, ekoloġija, ritwali, kitba u kura. Aktar milli jerġgħu joħolqu narrattiva storika waħda, dawn ix-xogħlijiet jiżvelaw l-aktar forzi silenzjużi: movimenti, marki, fdalijiet u impressjonijiet sensorjali li ma jagħmlux parti mid-dokumentazzjoni uffiċjali, u jespandu l-mod kif il-Palazz tal-Inkwiżitur jista’ jiġi interpretat u esperjenzat illum.

Tmiem il-ġimgħa tal-ftuħ offra l-ewwel togħma ta’ programm pubbliku usa’ b’sensiela ta’ prestazzjonijiet bis-sehem ta’ kwartett tal-kordi, Abigail Agius bi prestazzjoni msejsa fuq l-istorja tan-nisa u s-seħer fil-Palazz, Alien Montesin b’koreografija mfassla fuq l-arkitettura tat-taraġ ewlieni, Matthew Schembri bi prestazzjonijiet ta’ kitba fit-tul u Ryan Falzon li ppreżenta qari meħud mir-riċerka tiegħu. Dawn l-avvenimenti tal-ftuħ jistabbilixxu t-ton tal-programm sħiħ, li se jkompli matul Diċembru b’workshops, taħditiet u żjarat iggwidati.

Il-programm jinkludi wkoll workshops kreattivi għat-tfal, konverżazzjoni kulinarja-ekoloġika fil-kċina storika, workshop dwar il-moviment somatiku għall-anzjani, workshop prattiku dwar l-ipproċessar tal-films u mixja esploratorja fuq skala kbira fil-bini.

Il-kuratriċi Elyse Tonna qalet, “Dan il-proġett iwaħħad il-prattika artistika kontemporanja f’konverżazzjoni diretta ma’ wieħed mill-aktar siti storikament kumplessi ta’ Malta. Il-Palazz tal-Inkwiżitur jinkludi saffi ta’ memorja, silenzju u trasformazzjoni. L-artisti kollha li qed jieħdu sehem fil-wirja u fil-programm pubbliku jersqu lejh b’sensittività u profondità. Permezz ta’ xhur ta’ riċerka u kollaborazzjoni, huma żviluppaw xogħlijiet li ma jfittxux li juru l-istorja, iżda li jersqu aktar qrib it-truf tagħha: dak li ma jidhirx, dak li jiġix dokumentat. Ninsab grata lejn il-Fondazzjoni BOV li fdat din il-viżjoni u appoġġjat din it-tip ta’ ħidma rigoruża u bbażata fuq il-proċess li Malta teħtieġ b’mod urġenti.”

Ernest Agius, Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV u BOV Chief Operations Officer, qal, “Il-Fondazzjoni BOV hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġja proġetti li jwessgħu l-parteċipazzjoni kulturali u jinkoraġġixxu l-esperimentazzjoni artistika. It-tnedija b’suċċess ta’ ‘Moving with the Wind, Like Waves’ tikkonferma t-twemmin tagħna fil-kapaċità tal-arti li tittrasforma kif ninvolvu ruħna fi spazji ta’ wirt u narrattivi kontemporanji. Aħna kburin li nappoġġjaw proġett li jlaqqa’ flimkien talent eċċezzjonali Malti u internazzjonali u jiftaħ modi ġodda ta’ kif nesperjenzaw wieħed mill-aktar siti storikament sinifikanti fl-istorja ta’ Malta.”

‘Moving with the Wind, Like Waves’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-4 ta’ Jannar 2026.

Il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw il-wirja sħiħa matul il-ħinijiet regolari tal-mużew, b’aċċess inkluż fil-biljett tad-dħul standard ta’ Heritage Malta. F’dan il-perjodu, il-proġett se jkompli jevolvi permezz tal-programm pubbliku tiegħu, żjarat kuratorjali u sensiela ta’ interventi li jkomplu jagħtu l-ħajja lil dan is-sit.