Lokali

Franza: Lejn vot importanti…u mument ta’ verità għall-Gvern ta’ Lecornu

Il-poplu Franċiż jinsab viċin ta’ kriżi politika oħra u meta l-futur tal-Prim Ministru Sebastien Lecornu qed ikun mill-ġdid suġġett għal dubju.

Dan meta l-Gvern ta’ Lecornu kien qed jagħmel li jista’ biex jgħaddi vot kruċjali mill-Parlament…Vot li jitratta l-baġit dwar is-sigurtà soċjali u li ilu jqajjem it-taqlib politiku fost id-dubji dwar kemm Franza se jirnexxilha tibbilanċja n-nuqqasijiet serji fil-finanzi pubbliċi.

Intant, l-Assemblea Nazzjonali f’Pariġi qed tħejji għall-vot dwar il-leġislazzjoni li tfassal l-infiq għall-ġid soċjali..Leġislazzjoni li taħseb ukoll fl-infiq tal-Istat għas-saħħa u l-pensjonijiet matul is-sena d-dieħla.

L-abbozz imressaq lill-Parlament jirrifletti wkoll il-konċessjonijiet li l-Gvern f’minoranza ta’ Lecornu kien għamel lill-partiti tal-Oppożizzjoni, fost it-trattativi biex jitħalla jiggverna l-pajjiż.

U f’Pariġi, fl-aħħar sigħat, kien hemm arja kbira ta’ imprevedibbiltà, bis-sorsi jtennu li l-vot imminenti ‘seta’ imur kull naħa’ – bl-arja ta’ inċertezza politika tiżdied minn siegħa għall-oħra.

Fil-fatt, il-voti li saru qabel dwar partijiet tal-abbozz kienu għaddew biss bi ftit u f’sitwazzjoni li konfermat id-differenzi li jeżistu bejn il-partiti Franċiżi, kif ukoll fost il-gruppi parlamentari li, qabel, kienu lesti biex jappoġġjaw lill-Gvern.

Għaldaqstant, il-futur qed jidher ukoll imċajpar għall-Prim Ministru Lecornu wara li hu wiegħed li jikkonkludi l-baġit għall-2026 sa, almenu, l-aħħar ta’ din is-sena.

Sitwazzjoni fejn id-deputati f’Pariġi jiċħdu għall-pjan kapaċi ddaħħal lil Franza fi kriżi politika akbar — bil-pressjoni tiżdied fuq Lecornu biex jirriżenja. Dan ukoll meta parti mill-pjan jinkludi s-sospensjoni tar-riforma fl-iskema għall-irtirar li qed turta bil-kbir lill-Franċiżi.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet, is-Soċjalisti fl-Assemblea kienu qed jidhru disposti biex jaċċettaw il-pjan – iżda kien hemm il-possibbiltà kbira li d-deputati tal-lemin u d-deputati taċ-ċentru jispiċċaw jopponu l-abbozz li jqisuh bħala ‘mimli wisq bil-konċessjonijiet lil tax-xellug’.