Lokali

Il-Gvern ammetta li kien żbaljat u ressaq emenda wara li tkellem il-PN

Darren Carabott, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-emenda li ressqet l-Oppożizzjoni biex tisfida r-regoli li daħħal il-Gvern wasslet biex il-Gvern irrikonoxxa li bl-għaġġla li ħadem biha, kellu jistenna l-ġurnata li tkun diskussa l-mozzjoni biex jipprova jemenda liġi li daħħal hu stess.

Hu sostna li l-PN se jkun qed jifli b’aktar dettal l-emendi tal-Gvern iżda l-Gvern għamel ammissjoni ċara u kienet l-Oppożizzjoni li wasslet u kkonvinċiet lill-Gvern li jbiddel dak li daħħal hu stess.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din il-liġi tmur kontra l-istorja tal-pajjiż u sostna li l-Gvern illum irid id-dritt li jieħu l-pussess tal-art mingħand il-privat. Il-Gvern ma ta l-ebda ġustifikazzjoni legali għall-aġir tiegħu, qal Darren Carabott, li qal li t-tgawdija tal-proprjetà sar dritt fundamentali. L-ebda att tal-Gvern ma jista’ qatt jikser id-dritt fundamentali tal-bniedem; it-tgawdija tal-proprjetà.

Darren Carabott kompla li l-Parlament iddiskuta dritt fundamentali ġdid ftit ġimgħat ilu, iżda l-Gvern ħammeġ proposta li teżisti f’iktar 100 pajjiż madwar id-dinja li poġġew l-ambjent bħala dritt fundamentali fil-kostituzzjonali.

Il-Gvern qatel dik id-diskussjoni, sostna Darren Carabott, li kompla li Spanja u l-Greċja daħħlu dan il-prinċipju u għandhom delizzji bħal ta’ Malta. Issa l-Gvern ma kkonsultax u kellha tkun l-Oppożizzjoni li waqqgħet il-maskra tal-Gvern.

Darren Carabott qal li l-Gvern seta’ joħroġ avviż legali li jirtira dawn ir-regolamenti iżda baqa’ jistenna lill-Oppożizzjoni biex iressaq l-emenda tiegħu fl-4 ta’ Ottubru. Dan juri li l-Gvern ma kellux interess ġenwin għaliex ma kellux għalxiex jistenna xahrejn biex jiddiskuti l-proposti tal-PN għaliex il-Gvern seta’ joħroġ il-pożizzjoni tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar id-dritt fundamentali tat-tgawdija tal-proprjetà u staqsa jekk it-teħid tal-art hux qed joffri kumpens ġust, jekk iċ-ċittadin hux qed jiġi predudikat, jekk hemmx klassi ta’ ċittadini li qed jiġu żvantaġġjati u jekk il-Gvern hux qed joħloq mekkaniżmu ġust.