Lokali Parlament

Il-Gvern qiegħed jimmina d-dritt fundamentali għall-użu tal-art

Charles Azzopardi, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal fil-parlament li l-Gvern qiegħed jinterferixxi u jimmina b’mod sinifikanti d-dritt fundamentali għall-użu tal-art tal-bdiewa.

Hu qal li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti oġġezzjonat għall-Avviż Legali tal-Gvern 150 tal-2025 għax dan se jimponi obbligi fuq id-dritt tas-sidien li għandhom l-art rurali. Jiġifieri din il-liġi kif iridha l-Gvern minflok sej tipproteġi lill-bdiewa f’Malta u Għawdex u tħares lil dawk li għandhom u li jwettqu xi forma ta’ delizzju fuq l-art privata tagħhom, se jxekkilhom u twaqqafhom milli jagħmlu dan; jiġifieri milli jgawdu r-rikrejazzjoni tagħhom fil-propjetà tagħhom stess. Daqshekk hija kontra d-dilettanti u dawk li għandhom xi passatemp fl-għalqa tagħhom stess.

Permezz ta’ dan l-avviż legali l-Gvern m’għandu l-ebda skop li jħares it-tradizzjonijiet, anzi qiegħed jagħmilha diffiċli lil min irid ikompli jagħmel dan bħalma għamel sa minn ċkunitu. Din mhijiex liġi li tħares lill-komunitajiet tagħna. Din hija liġi li jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu jkun qiegħed jipperikola u jhedded lil min għandu art agrikola li din jista’ faċilment joħodhielu.

Hu qal li l-PN ried li li l-ambjent ikun garantit fil-kostituzzjoni iżda l-gvern ivvota kontra u għamel kampanja negattiva b’mod li nganna.

Din il-liġi li jrid jgħaddi l-Gvern ġiet ippubblikata mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mal-partijiet kollha kkonċernati. B’din il-liġi il-Gvern qiegħed ikompli jagħti d-daqqa tal-mewt lid-delizzji u jostakola lil min għadu b’ħafna biża’ jgawdi ftit ħin liberu f’naqra ta’ dura f’għalqa. Din il-liġi sejra taħdem kontra min ħadem ħajtu kollha bħala bidwi full time u li issa li waqaf, milli jkabbar il-prodott agrikolu, qiegħed igawdi l-art tiegħu mal-familja tiegħu.

L-Oppożizzjoni bis-sħiħ temmen li din il-liġi tmur kontra l-prinċipju fundamentali tat-tgawdija tal-propjetà privata. Hawnhekk il-Gvern qiegħed jinterferixxi u jimmina b’mod sinifikanti d-dritt fundamentali għall-użu tal-art.

Permezz ta’ din il-liġi l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta se jkollha poteri eċċessivi li takkwista l-pussess temporanju tal-art biex din titqassam lil terzi.