Lokali

Il-PN iħares l-interessi tal-bdiewa u ta’ dawk li jipprattikaw delizzji tradizzjonali

Iressaq Mozzjoni fil-Parlament biex temenda Avviż Legali li daħħal il-Gvern bla ebda konsultazzjoni, u li permezz tiegħu se jieħu art agrikola privata u jagħtiha lil terzi

Il-Gvern daħħal liġi biex ikun jista’ jiddeċiedi hu jekk art agrikola privata għandhiex tibqa’ tal-privat jew titteħidlux mingħajr ma s-sid ikun biss infurmat.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Pitkalija f’Ta’ Qali, ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u x-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali u d-Delizzji Charles Azzopardi taw id-dettalji dwar Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li se tkun diskussa llejla fil-Parlament biex isssewwi l-ħsara li għamel il-Gvern permezz tal-Avviż Legali 150 li ddaħħal fl-eqqel tas-sajf li għadda mingħajr konsultazzjoni – la mal-Oppożizzjoni u lanqas ma’ dawk kollha effettwati minn din il-liġi.

Ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Art Agrikola (2025) jippermettu lil-Gvern jieħu pussess ta’ art privata jekk sid ma jirreġistrax l-art agrikola, u din tingħata lil terzi.

Filwaqt li rreferew għal-lista sħiħa ta’ kontestazzjonijiet li saru minn diversi għaqdiet permezz ta’ numru ta’ stqarrijiet, ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista qalu li dan l-avviż legali mhux biss se jfisser li tista’ titteħidlek l-art mill-Gvern imma l-liġi li ddaħħlet hija wkoll ta’ detriment għad-delizzji u kellha tkun l-Oppożizzjoni li tressaq emendi biex tissalvagwardja l-interessi tas-sidien tal-artijiet u tad-dilettanti.

L-emendi jassiguraw li jiġu protetti l-artijiet u li kull sid igawdi l-pussess tal-art tiegħu, waqt li jħarsu d-delizzji billi jassiguraw li fuq art agrikola jkunu jistgħu jibqgħu jiġu prattikati delizzji tradizzjonali waqt li f’dawn iċ-ċirkostanzi jiġu eżentati milli jaħartu l-art darba fis-sena.

Wara d-dibattitu fuq il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li se jsir illum fil-Parlament, il-vot fuq dawn l-emendi mistenni jittieħed fil-Kamra tad-Deputati fis-16 ta’ Diċembru.

L-għaqdiet tal-kaċċaturi u n-nassaba, il-Kamra tal-Avukati, il-Kunsill Nutarili u d-dilettanti piroteknici fost l-oħrajn, ikkritikaw lill-Gvern talli daħħal liġi li taffettwa direttament id-drittijiet tagħhom wara li eskludiehom mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

Fost il-kritika li kien saret:

  • L-FKNK iddeskriviet dan l-aġir tal-Gvern bħala azzjoni anti-demokratika, kważi dittatorjali, u wissiet li din il-liġi thedded id-drittijiet bażiċi ta’ sidien rurali, kaċċaturi u nassaba;
  • Il-Kamra tal-Avukati sostniet li l-Avviż Legali ħoloq inċertezza serja, u għadda s-setgħa lill-Awtorità biex tieħu art privata mingħajr skrutinju Parlamentari u mingħajr trasparenza;
  • Il-Kunsill Nutarili sostna li dawn ir-regolamenti jmorru kontra l-prinċipju sagrosant tal-pussess u tgawdija tal-proprjetà privata.

Minkejja li l-Ministru wiegħed li sa Settembru kien se jressaq emendi għal dan l-Avviż Legali, din kienet biss mossa biex imewwet ir-rabja u t-tħassib tal-għaqdiet. Ninsabu f’Diċembru u l-Gvern baqa’ ma biddel xejn. L-għaqdiet iltaqgħu mal-Ministru Anton Refalo li wegħedhom li se jsiru l-emendi neċessarji qabel jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti imma dan ma seħħx.

Għal darba oħra kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li fehem is-serjetà tal-problema, u filwaqt li ta widen għat-tħassib ta’ dawk konċernati, għamel dak li kellu jagħmel il-Gvern billi ressaq Mozzjoni biex isiru emendi f’din il-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq tliet emendi ċari u ġusti biex jiġu mħarsa l-artijiet, is-sidien u d-dilettanti:

  1. Tneħħija tas-setgħa tal-Gvern li jaħtaf art privata ta’ sidien rurali jekk ma tkunx irreġistrata;
  2. Protezzjoni għad-delizzji tradizzjonali li jiġu pprattikati fuq art agrikola;
  3. Tneħħija tal-poteri eċċessivi tal-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta li ngħatat id-dritt li takkwista pussess temporanju tal-art, bis-setgħa li tallokaha lil ħaddieħor

Il-PN dejjem kien favur li tissaħħaħ il-liġi tar-raba’ u li l-art agrikola tkun protetta b’mod serju. Iżda jidher ċar li l-Gvern abbuża minn din l-intenzjoni biex jintroduċi liġi li tagħti s-setgħa lill-Istat li jitfa’ jdejh fuq art privata mingħajr il-kunsens tas-sid.

Din hija liġi perikoluża li ġġib inċertezza u biża’ fost is-sidien, u l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li l-Gvern jilgħab b’dawn id-drittijiet, li huma sagrosanti.

L-FKNK stess iddeskriviet il-liġi li daħħal il-Gvern bħala anti-demokratika, li tpoġġi restrizzjonijiet bla bżonn fuq tradizzjonijiet li ilhom jeżistu sekli sħaħ.

Huwa ironiku kif il-Gvern li tant dam jippontifika u jgħid li jrid iħares id-delizzji fil-Kostituzzjoni, u li mexxa kampanja biex ibeżża’ meta l-Partit Nazzjonalista ressaq proposta biex l-ambjent ikun imħares fil-Kostituzzjoni, l-unika liġi li daħħal kienet propju għad-detriment propju ta’ dawk li jipprattikaw id-delizzji tradizzjonali.

Wara konsultazzjoni estensiva ma’ għaqdiet, esperti u sidien ta’ art, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq emendi serji u konkreti biex jipproteġi lill-bdiewa, is-sidien u d-dilettanti, jissalvagwardja d-delizzji tradizzjonali Maltin, jirrestawra l-bilanċ demokratiku li kisser il-Gvern u jiżgura li l-Gvern ma jkunx jista’ jaħtaf art privata bl-iskuża tal-protezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dak li suppost għamel il-Gvern mill-bidu – jisma’, jikkonsulta u jiddefendi d-drittijiet tan-nies.