Lokali Unjoni Ewropea

Il-Pulizija tal-Belġju għadha qed tinvestiga l-iskandlu tal-Huawei

L-MEP Laburista Daniel Attard kellu sessjoni ta’ grilling fil-magħluq dwar l-iskandlu tal-Huawei – grilling li sar l-Erbgħa, bil-pressjoni qed tkompli tikber fuqu sabiex titneħħielu l-immunità Parlamentari.

Jidher li l-istess Kumitat sejjaħ ukoll diversi MEPs oħrajn.

Fl-aħħar xhur, Daniel Attard għażel li jkompli jinħeba wara l-investigazzjoni li għaddejja mill-Pulizija Belġjana – u qed jibqa’ jinsisti li hu ma għamel xejn ħażin.

Dan l-iskandlu faqqa’ wara li l-Pulizija Belġjana kisbet recordings mill-VIP box tal-istadium fejn mar Daniel Attard jara partita futbol – VIP box li kienet ibbukjata mill-istess Huawei. Għalkemm dan l-iskandlu jmur lil hinn minn semplici logħba.

Daniel Attard qed ikun investigat mill-Pulizija tal-kapitali Belġjana minħabba l-possibbiltà li seta’ kien hemm attentat ta’ influwenza politika. Tant li kienu l-investigaturi stess li talbu li titneħħielu l-immunità Parlamentari li għandu bħala Ewroparlamentari.

Tul dan il-perijodu kollu, l-MEP tal-Labour baqa’ ma jindirizzax il-ħafna dubji li qamu dwar il-mod kif aġixxa, tliet xhur biss wara li kien elett fil-Parlament Ewropew.

U d-dubji dwar il-laqgħa mal-Huawei komplew jikbru fl-ambitu tal-fatt illi l-eks Kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores, lura f’Marzu li għadda, kien tkellem pubblikament dwar l-infulwenza ta’ din il-kumpanija Ċiniża fuq il-Parlament Ewropew. Iżda ħadd ma kien jaf li f’nofs dawn l-akkużi kien hemm MEP tal-Labour.