Colin Schembri
Starlites Revive 77
Athleta 37
(26-9)(12-9)(21-8)(18-11)
Starlites Revive iddominaw il-logħba kontra Athleta b’rebħa ċara ta’ 77–37, b’kontroll mill-ewwel sal-aħħar minuti. It-tim ħareġ b’pressjoni kontinwa li ġabet 34 punt minn turnovers u 31 punt minn fast breaks, filwaqt li kien ukoll aktar effettiv fiż-żona u fuq ir-rebounds. Rebecca Naudi spikkat b’wirja sħiħa fuq iż-żewġ naħat tal-court, kemm fil-punti kif ukoll f’kontribut ġenerali lit-tim, f’prestazzjoni li kompliet issaħħaħ id-dominju ta’ Starlites f’din il-partita.Starlites introduċew lil Andria Buckwell minflok Belle Sciberras u kellhom nieqsa lil Ylenia Ferrando. Athleta rkupraw lill-Amerikana Izabelle Booth u lil Kaya Calleja però kienu mingħajr Nicole Vella u Kristy Caruana. L-Amerikana però kienet sfortunata li għal darb’oħra sofriet injury fir-raba’ minuta tat-tieni taqsima. Kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu bi break ta’ 15-2 b’żewġ trippli minn Catherine Cilia u oħra ta’ Mikela Riolo. L-uniku basket ta’ Athleta ġie minn Jaelle Micallef waqt li kellhom ukoll trippla minn Calleja. Starlites għamlu run oħra ta’ 11-2 b’punti ta Georgia Haverlock u Mariah Fenech fost l-oħrajn biex għalqu l-ewwel sessjoni 26-9. Fit-tieni perjodu, wara l-ewwel basket minn Anthea Micallef, Starlites għamlu tlett baskets mingħajr risposta. Sa’ tmiem it-taqsima l-punti waslu aktar bil-mod għal skor ta’ 38-18.
Fit-tielet taqsima kien hemm aktar runs minn Starlites li komplew jikkontrollaw il-partita. Huma kellhom trippli minn Cilia u Rebecca Naudi b’Julia Schembri wkoll tagħmel trippla għall-Athleta. It-taqsima għalqet b’punti konsekuttivi minn Haverlock fosthom trippla għal skor ta’ 59-26. Starlites komplew l-aħħar taqsima b’sitt punti oħra qabel ma Eliza Farrugia għamlet trippla għall-Athleta. Qabel intemmet il-partita kien hemm spazju għal żewġ trippli oħra minn Haverlock u punti minn Farrugia u Schembri għall-Athleta għal skor finali ta’ 77-37.
Starlites Revive: M. Riolo 5, C. Cilia 9, P. Riolo 2, A. Cassar Seguna 2, S. Abugrin 2, M. Fenech 10, R. Naudi 24, G. Haverlock 23, J. Formosa, L. Zammit, K. Gatt, A. Buckwell
Athleta: E. Farrugia 7, J. Schembri 12, K. Calleja 3 , A. Micallef 2, J. Micallef 5, I. Booth, Ka. Abela 2, S. Vella 4, Ke. Abela, L. Camilleri 3.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Nelson Da Silva
Caffè Moak Luxol 93
Valletta Dream 49
(19-14)(30-10)(25-12)(19-13)
Caffè Moak Luxol irritornaw għar-rebħ kontra Valletta Dream b’rebħa komda ta’ 93–49, b’kontroll mill-ewwel perjodu. Luxol ħarġu tajjeb u ġabru 37 punt minn turnovers, waħda mid-differenzi ewlenin tal-logħba. Kienu aħjar ukoll fil-fast breaks (25–7) u fir-rebounds offensivi, li wassluhom għal 21 punt minn offensive rebounds. Valletta batew fl-attakk, speċjalment minn barra ż-żona, u minkejja li ppruvaw iżommu l-logħba qrib fil-bidu, bil-mod il-mod Luxol kabbru d-distakk u għalqu l-partita b’vantaġġ komdu.Valletta irkupraw lil Alexis Cutajar però kellhom nieqsa lil Adriana Caballero fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Lisa Fenech Pace u inkludew liż-żagħżugħa Adria Xuereb. Valletta sabu diffikulta fl-ewwel ħinijiet tal-partita hekk kif il-press ta’ Luxol bdiet tħalli l-frott u kien hemm ukoll it-trippli ta’ Olivia Wikstrom. Luxol marru 17-4 minn fuq qabel ma Valletta għamlu run ta’ 10-2 bill-punti ta’ Olesia Malashenko u Nicole Montalvo u l-ewwel sessjoni għalqet bil-Luxol fuq quddiem 19-14. Fit-tieni taqsima, kien hemm żewġ runs minn Luxol ta’ 15-0 u 11-0 b’diversi punti minn Sarah Fenech Pace, Wikstrom u Ella Abela. Bejniethom Valletta kellhom il-punti ta’ Marie Elise Pollaco u Sarah Kankaras però Luxol daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu 25 punt 49-24.
Luxol fetħu t-tielet taqsima bi trippla ta’ Hayley Galea qabel ma Valletta għamlu sitt punti konsekuttivi. Luxol għamlu run oħra ta’ 15-2 bi trippla ta’ Gwenn Carabott u punti minn Wikstrom u Jada Said. Iż-żgħażagħ Kelly Magro u Adria Xuereb ukoll kisbu basket kull wieħed biex it-taqsima għalqet fuq skor ta’ 74-36. Fir-raba taqsima minkejja li r-riżultat kien deċiż, kien hemm azzjoni kundabbli ta’ player ta’ Valletta Hayley Grixti fuq Sarah Sciberras li wasslet għat-tkeċċija tal-istess player għalkemm mhux b’mod dirett, deċiżjoni li ftit sabet qbil. Għal kronaka, din kienet l-aktar sessjoni bilanċjata bill-punti jaslu fuq iż-żewġ naħat bil-Luxol jibqgħu dejjem fil-kontroll u joħorġu rebbieħa 93-49.
Caffè Maok Luxol: G. Carabott 10, K. Magro 4, E. Axisa 3, H. Galea 3, R. Fenech Pace 10, A. Xuereb 4, J. Said 2, E. Abela 10, M. Camilleri, S. Fenech Pace 11, O. Wikstrom 32, S. Sciberras 4.
Valletta: E.M. Pollacco 7, A. Cutajar 7, O. Malashenko 14, M. Momcilovic 7, H. Grixti 2, M. Mifsud 4, N. Montalvo 5, S. Kankaras 3.
Referees: Wendell Lim, Leonardo Silvero
Hibernians 75
Betsson Depiro 48
(20-12)(15-14)(18-17)(22-5)
Hibernians telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika wara rebħa ta’ 75–48 fuq Depiro, li kienet ukoll l-ewwel telfa tal-kampjonat għat-tim ta’ Julian Naudi. Hibs kellhom vantaġġ fir-rebounds (52 kontra 34) u aktar punti mill-fast breaks (22 kontra 19), filwaqt li kienu aktar preċiżi fis-shooting ġewwa fiż-żona (64% kontra 37%). Fil-waqt li Hibernians kienu bil-formazjoni kompluta tagħhom, Depiro kellhom sensiela ta’ nuqqasijiet fosthom tal-Amerikana Lovely Sonnier, l-Ispanjola Andrea Tollar Lopez flimkien ma’ Samira Deguara u Joselle Borg Cardona. Depiro bdew bl-ewwel ħames punti tal-partita minn Sophie Abela u trippla ta’ Nicole Agius. Ir-risposta ta’ Hibs waslet bi break ta’ 9-0 b’punti minn Maria Bonett u Steffi De Martino. Depiro waqqfuhom b’basket ta; Julia Borg Xerri qabel ma Depiro komplew ikabbru l-vantaġġ fosthom bi trippla ta’ Hailey Macleod għal skor ta’ 20-12. Fit-tieni taqsima, Hibs kellhom it-trippli minn De Martino però Celine Fenech wieġbet għal Depiro flimkien ma’ Julia Borg. Wara time-out minn Charles Bonnici għal Hibs, il-players tiegħhu għamlu tlett punti oħra biex Hibs kienu 12 minn fuq fl-intervall 35-26.
It-tielet taqsima kellha bidu kwiet bid-Depiro jersqu viċin primarjament mill-free-throw line. Hibs wieġbu b’żewġ baskets minn Macleod u Bonett biex fis-sitt minuta kienu 9 minn fuq 41-32. Wara trippla għal Depiro minn Borg, Lecuyer u Saliba wkoll għamlu tlett trippli għal Hibs li kabbru l-vantaġġ għal 14-il punt. Depiro ma ċedewx u ġabu sitt punti lura biex it-taqsima għalqet bil-Hibs fuq quddiem 53-43. Hibs aċċertaw ruħhom mir-rebħa fil-bidu tal-aħħar taqsima meta għamlu run ta’ 11-0 bill-punti ta’ Saliba, Macleod u Diaby. Depiro waqqfuhom bil-punti ta’ Borg Xerri però kienu għadhom ‘l bogħod speċjalment wara li Hibs għamlu tlett baskets oħra mingħajr risposta biex rebħu l-partita 75-48.
Hibernians: M. Buhagiar, L. Micallef, I. Agius, S. Lecuyer 10, A. Saliba 12, J. Abela, M. Bonett 11, S. De Martino 8, N. Farrugia, H. Macleod 20, J. Diaby 14, K. Sammut 5.
Betsson Depiro: S. Abela 8, K. Fenech, N, Agius 5, J. Borg Xerri 8, J. Mallia 2, C. Privitera 5, C. Fenech 4, J. Borg 16, N. Borg, H. Farag
Referees: Andre Attard, Jacques Siefert
//= $special ?>

